Il-Parlament Ewropew japprova l-liġi tal-Whisteblowers

...fost dawn għaddew ukoll proposti tal-Ewroparlamentari Malti Francis Zammit Dimech

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew ivvota favur leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-Whistleblowers li għaliha ressaq emendi l-Ewroparlamentari Malti Francis Zammit Dimech, liema proposti kienu wkoll approvati.

L-MEP kien ressaq l-emendi bil-għan li persuni li jiżvelaw informazzjoni jikkwalifikaw għall-protezzjoni, fejn dawk in-nies ikollhom raġunijiet validi biex jemmnu li hemm kollużjoni bejn min iwettaq il-ksur tal-liġi u l-awtorità kompetenti jew inkella li dik l-evidenza tista' tiġi moħbija u meqruda.

Fl-ewwel kummenti tiegħu wara l-vot, Zammit Dimech saħaq li l-vot tal-lum jagħti lill-whistleblowers protezzjoni adegwata u jirrimedja prattiċi ħżiena fl-istati membri

"Għandha nipproteġu l-persuni li jirrappurtaw ksur tal-liġi, inkluż il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Dan huwa fl-interess pubbliku peress li l-flus li jistgħu jiġu investiti f'aktar servizzi tas-saħħa u l-akkomodazzjoni bħalissa qed jiġu misruqa mill-ftit. Din il-liġi tassigura wkoll standards ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumatur," saħaq Zammit Dimech.

Kompla jispjega kif din il-leġiżlazzjoni hija wkoll kruċjali għall-ġurnalisti investigattivi. Aktar kmieni, l-EBU (European Broadcasting Union), EFJ (il-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti), EMMA (European Magazine Media Association), ENPA (l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Gazzetti) u NME (News Media Europe) talbu wkoll lill-MEPs biex jiżguraw li d-direttiva dwar il-protezzjoni tal-whistleblowers tiggarantixxi protezzjoni robusta għall-persuni li jagħżlu li jirrikorru għall-midja biex jirrappurtaw atti illegali jew illegali. 

Zammit Dimech ikkritika lill-Gvern Malti li fi kliemu “jipproteġi biss u jagħti kuntratti lil whistleblowers li jsaffru s-suffara li jrid il-Gvern.” Iżda insista li din il-leġiżlazzjoni hija “kontro miżura għall-prattiċi ħżiena ta' numru ta' Stati Membri inkluż Malta.”

Aktar kmieni din is-sena, il-Kumitat responsabbli mill-Midja adotta wkoll ir-rakkomandazzjoni ta' Zammit Dimech biex tissaħħaħ il-leġislazzjoni dwar il-kxif ta' l-abbużi.

More in Politika