Roberta Metsola lil Konrad Mizzi: 'Ma tistax tistaħba għal dejjem'

Metsola tfakkar illi azzjoni kontra l-iSLAPP hija kruċjali biex il-kmamr tal-aħbarijiet indipendenti jibqgħu b'saħħithom

Roberta Metsola, MEP
Roberta Metsola, MEP

“Il-Ministru Konrad Mizzi ħarab u mar jinħeba waqt iż-żjara tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta. Jista’ jibqa jiprova jinħeba imma ma jistax jistaħba għal dejjem,” hekk qalet illum il-Membru tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola.

Waqt li kienet qed titkellem dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport taż-żjara tad-delegazzjoni  f’Malta u l-Islovakkja bħala parti mill-Grupp ta’ Monitoraġġ tas-Saltna tad-Dritt tal-Parlament Ewropew, l-MEP Metsola qalet li hemm bżonn b’mod urġenti mekkaniżmu permanenti li jissalvagwardja l-valuri tal-UE.

“Naħseb li dak li rajna fis-Slovakkja u f’Malta għandu jwassal għal azzjoni," sostniet Metsola.

Hi tkellmet ukoll dwar il-protezzjoni tal-midja, u nsistiet għal azzjoni kontra l-iSLAPP “xi ħaġa kruċjali jekk irridu li l-kmamar tal-aħbarijiet żgħar u indipendenti ma jfallux kontra l-interessi ta’ korporazzjonijiet kbar li jaħdmu id f’id ma’ politiċi bla skrupli.”

L-MEP Metsola faħħret is-sejħa tar-rapport biex tiġi ppubblikata lista unika ta’ min jixtri ċ-ċittadinanza Maltija, u qalet li “hemm tħassib serju dwar is-sigurtà bil-bejgħ tal-passaporti Maltin u Ewropej, u din għandha tiġi indirizzata.”

Hi kkonkludiet li hemm bżonn li jissolva l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia "u aħna se nibqgħu ninsistu għall-ġustizzja, l-kontabbiltà u l-verità - kemm għal Daphne Caruana Galizia kif ukoll għall-istejjer li kienet qed taħdem fuqhom. F’400 ġurnata, il-vuċi tagħna ma ddgħajfitx u mhi se tmut qatt.”

More in Politika