Dalwaqt se jibda x-xogħol fuq l-impjant tar-Reverse Osmosis f’Għawdex

Dalgħodu ġie ffirmat il-kuntratt biex fil-jiem li ġejjin, jingħata bidu għax-xogħlijiet fuq l-impjant tar-Reverse Osmosis

F’Ħondoq ir-Rummien, Għawdex, ġie ffirmat il-kuntratt biex fil-jiem li ġejjin, jingħata bidu għax-xogħlijiet fuq l-impjant tar-Reverse Osmosis, proġett tal-Korproazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li permezz tiegħu, Għawdex se jkun mija fil-mija awto suffiċjenti fejn tidħol il-produzzjoni tal-ilma.

B’investiment ta’ €11-il miljun, Għawdex se jkollu provvista ta’ ilma ta’ kwalità għolja mmens li se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja fuq din il-gżira.

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Ilma Joe Mizzi esprima s-sodisfazzjon tiegħu u qal li l-biċċa l-kbira tax-xogħol preparatorju sar, l-istudji ambjentali tlestew, u l-permessi ħarġu u ġew approvati b’mod unanimu mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Bħalissa Għawdex jinqeda permezz ta’ main tal-ilma li jgħaddi minn taħt il-baħar u minn ammont ta’ ilma tal-pjan li jinġibed minn taħt l-art. Il-Ministru Mizzi spjega li din is-sistema antika ma tagħtix is-sigurtà meħtieġa u la hi effiċjenti u lanqas sostenibbli.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li permezz ta’ dan il-proġett kapitali, Għawdex se jkollu provista tal-ilma ta’ kwalità għolja u allura id-domanda tal-ilma f’Għawdex mhux ser tkun aktar dipendenti fuq Malta bir-riskji li dan kollu jista’ jġib.

Is-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej u Djalogu Socjali Aaron Farrugia qal li permezz ta’ dan il-proġett, Għawdex se jilħaq kriterji għoljin Ewropej fejn tidħol il-kwalità, sigurtà, effiċjenza u sostennibbiltà tal-provvista tal-ilma.

“Il-proġett huwa wkoll turija ċara li Għawdex qeda tieħu l-fair share ta’ fondi Ewropej permezz ta’ miżuri li qed jaffetwaw direttament il-kwalità ta’ ħajja tal-familji f’din il-gżira,”qal Farrugia. 

More in Politika