'M’aħniex se nisktu sakemm pajjiżna jibqa' mmexxi mill-ħallelin'

L-attivisti ta' Occupy Justice jagħmlu rapport formali lill-Pulizija biex tinvestiga '17 Black'

Fid-dawl tal-aħħar rivelazzjonijiet dwar il-kumpanija 17 Black, illum l-attivisti ta' Occupy Justice għamlu rapport formali lill-pulizija biex tinvestiga lil Yorgen Fenech, Konrad Mizzi u Keith Schembri.

"Ninsabu hawn illum għax din hi materja t’importanza u inkwiet għan-nazzjon kollu. Dawn huma fatti ta’ każ li jqażżek ta’ ħasil ta’ flus. B’dawn ir-rivelazzjonijiet ċari u inevitabbli ta’ l-aħħar ġimgħa, iċ-ċittadini Maltin jippretendi riżenji immedjati. Ma kien hemm ebda riżenja. Tal-anqas iċ-ċittadini Maltin jippretendu li l-Pulizija ta’ Malta tieħu azzjoni immedjata u tibda investigazzjoni intensiva," saħqu l-attivisti.

Huma komplew jgħidu,  "Occupy Justice għamlet rapport formali fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta, biex nerġgħu nfakkru lill-Pulizija li xogħolha hu li tassigura li l-liġi hi rispettata. Xogħolha hu li tinvestiga, tinterroga u tħaffer fil-fond biex twaqqaf dak li HU l-aktar każ lampanti ta’ ħasil tal-flus f’Malta li jinvolvi membri tal-Gvern li jmexxi Joseph Muscat."

Fl-aħħar nett huma qalu li, "m’aħniex se nisktu sakemm pajjiżna jibqa' mmexxi mill-ħallelin u se nagħmlu kull ma nistgħu biex inwaqqfu lill-Prim Ministru milli juża l-poter tiegħu biex jostakola lill-ġustizzja biex jipproteġi lil ħbiebu.

"Se nibqgħu nissieltu għas-sewwa sakemm in-nazzjon tagħna tinraddlu ġustizzja. Dan hu n-nazzjon tagħna, din hi darna, u aħna n-nazzjon. Nistennew aħjar, jixraqilna aħjar, nesiġu aħjar."

Ma fhimtx sew il-każ ta' 17 Black? Aqra l-ispjegazzjoni tal-ILLUM

More in Politika