Intervista | ‘Fuq arloġġ riduni nirreżenja...fuq affarijiet ħafna ikbar ma rreżenjawx’

Kien il-Ministru tal-Finanzi, imma llum huwa membru tal-Grupp Catholic Voices. Tonio Fenech iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ILLUM dwar l-omosesswalità, id-divorzju, l-IVF, X Factor, il-Baġit, il-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia u dwaru...

onio Fenech | Ritratt James Bianchi
onio Fenech | Ritratt James Bianchi

Tonio Fenech. Min jiftakru għall-abbilitajiet tiegħu bħala Ministru tal-Finanzi, oħrajn bħala oratur pjuttost tajjeb, oħrajn bħala s-Sindku ta’ Birkirkara u oħrajn jibqgħu jiftakruh għad-dikjarazzjoni dwar il-Madonna u d-divorzju kif ukoll dak l-imbierek arloġġ tal-Lira li kien qala’ bħala rigal mingħand mart George Farrugia li kien f’nofs kontroversja fl-2013 dwar xiri taż-żejt.

L-ILLUM tintervista lil Fenech fir-residenza tiegħu f’Ħal Balzan, illum mhux iktar politiku imma membru tal-Grupp Catholic Voices, illi kien iffurmat aktar kmieni din is-sena.

Nibda billi nistaqsih; il-Knisja f’Malta għandha preżenza qawwija fuq bażi parrokkjali u llum għandha l-midja tagħha, x’vuċi aktar iridu jżidu lill-Knisja f’pajjiżna li diġà għandha vuċi b’saħħitha?

Fenech jibda billi jgħid illi f’pajjiżna meta titkellem il-Knisja wieħed jistenna li bilfors se jitkellem l-Arċisqof. “Illum nisimgħu ħafna politiċi jgħidu li Malta hija pajjiż sekulari, imma verament sekulari? Sondaġġi riċenti juru illi l-maġġoranza qawwija tal-Maltin jħossu illi l-valuri tagħhom huma dawk Kattoliċi. Dan juri illi l-poplu Malti għadu japprezza u jgħożż il-valuri pożittivi Nsara, bħas-solidarjetà, il-ħarsien tal-ambjent, l-għajuna lill-fqir...”

Nwaqqfu u nistaqsih kemm qed jara solidarjetà fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Jaħseb li l-poplu qiegħed jipprattika l-valur tas-solidarjetà fuq din il-kwistjoni? “Inti qed tikkonferma l-bżonn tal-Catholic Voices,” iwieġeb l-eks Ministru illi qal li ħafna drabi minflok naraw lill-immigranti bħala nies li għandhom bżonn l-għajnuna, qed narawhom bħala theddida. “Sadinittant f’pajjiżna hawn eluf ta’ barranin u ma narawhomx daqstant theddida daqs dawk li ġejjin bid-dgħajsa. U allura din il-biża’ lejn dawn il-persuni mhix ġusta.”  Ikompli jgħid illi xogħol il-Catholic Voices huwa propju li jaraw illi s-soċjetà tifhem aħjar il-bżonn li tgħix dawn il-valuri. “In-Nisrani fil-pjazza jrid ikun mhux fil-gallarija,” jgħid f’referenza għall-bżonn li l-knsija tibqa’ qrib in-nies.

Huwa jispjega kif dan il-grupp qed jaħdem biex ikun hemm nies imħarrġa apposta li jistgħu jkellmu lill-midja u li se jmorru fl-irħula biex jiddjalogaw mal-parruċċani.

“Aħna rridu niddjalogaw dwar il-valuri li aħna nemmnu illi jekk ngħixuhom inkunu soċjetà aħjar...biex naraw kif se napplikaw dawn il-morali għas-soċjetà tal-lum”

‘Jiena dħalt fil-politika għax Nisrani...Eddie ħeġġiġni’

Imma se jkun hemm min jistaqsi kif kellu jkun Tonio Fenech li jgħallem il-morali. Persuna li sa ftit żmien ilu kien fil-politika b’dak kollu, anke immorali, li ġġib magħha.

Fenech, kemm issa u anke tul l-intervista huwa entużjast biex jipproteġi ismu u biex jinsisti li hu qatt ma jista’ jkun akkużat bi ħmieġ.

“Jien dħalt fil-politika għax Nisrani,” jinsisti filwaqt li jmur lura għal meta daħal fil-politika lura fl-1996. “Jiena kien ikkonvinċieni nidħol fil-politika Eddie Fenech Adami meta morna għandu wara t-telfa tal-1996 biex inħeġġuh jibqa’ jmexxi. Għamilt l-għażla tal-Partit Nazzjonalista għax rajt li l-aktar li jgħożż il-valuri Nsara li nemmen fihom jien... għalkemm għidtlu le lil Eddie għall-ewwel, hu kien qalli li Malta għandha bżonn politiċi Nsara. Kont għidtlu le għax il-politika maħmuġa. Imma hu qalli “l-politika ma tħammġikx, inti titħammeġ.”

Eddie Fenech Adami
Eddie Fenech Adami

“U hekk kif dħalt għax Nisrani, ħriġt mill-politika għax Nisrani. Ħassejt  li aktar nista’ ngħin barra l-politika milli fiha.”

 

‘Il-politika tal-lum xprunata biss mis-sondaġġi’

Hawnhekk Fenech jibda jindika għaliex ma baqax fix-xena politika. “Sfortunatament il-politika tal-lum saret biss xprunata mis-sondaġġi. M’għadniex inħarsu lejn il-politiku bħala xi ħadd li se jieħu lill-pajjiż lejn il-viżjoni tiegħu, ispirat mill-valuri tiegħu, m’għandiex inħarsu lejn  mexxejja li se jmexxu lill-pajjiż f’ċerta direzzjoni,” jinsisti f’ċertifikat pjuttost ħażin għal ħafna politiċi, għalkemm jiċċara illi mhux qed jirreferi għal kulħadd.

LGBTIQ: Ma jemminx li Joseph Muscat kien mnebbaħ mill-prinċipji

Kieku minfloki kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat, kien jirrimarka li hu wiegħed u introduċa unjoni ċivili għall-persuni tal-istess sess fl-2014 minkejja li kieku kellu jsir sondaġġ mhux neċessarjament il-maġġoranza kienet tkun favur.

Iżda Tonio Fenech ma tantx deher impressjonat bil-liberaliżmu soċjali ta’ Muscat. “Joseph Muscat ried jirbaħ il-vot ta’ settur partikolari, bħalma huma l-kaċċaturi, il-kmamar tal-Mellieħa u aktar. Għandek setturi ta’ nies li biex tirbaħ trid tiġbor il-voti tagħhom. Ir-realtà iżda hija li Muscat biddel il-pożizzjoni tiegħu ħafna drabi. “

“Meta l-Partit Nazzjoalista qabel mal-Unjoni Ċivili, ippropona xi ħaġa iktar u wiegħed adozzjoni,” stqarr l-eks Ministru Nazzjonalista li qal illi din il-kwistjoni kienet sempliċiment somma ta’ kif se jkun dejjem qabel il-PN u xejn aktar.

Jiġifieri Fenech ma jemminx li dak li għamel il-Gvern fil-qasam LGBTIQ kien frott il-prinċipju? “Le ma nemminx,” jgħid Fenech. “Jiena ma nemminx fil-politika li titfa’ l-karrotta biex tirbaħ.”

‘L-istat għandu dejjem jimbotta l-ideal’

Ara hu dejjem kien kontra, hux hekk? “Le jiena m’iniex kontra unjoni ċivili, anzi dejjem emmint li l-Gvern għandu obbligu jirregola tnejn min-nies li qed jgħixu flimkien...”

Nikkoreġih. Mhux tnejn jgħixu flimkien, imma tnejn f’relazzjoni romantika flimkien.

“Iva wkoll. Aħna kellna liġi tal-koabitazzjoni li kienet ilha mwiegħda mill-1998 u qatt m’għamilnieha. Għalija dan kien nuqqas,” jammetti Fenech li jkompli jgħid illi l-adozzjoni hija xi ħaġa oħra.

“Jiena nifhem ix-xewqa ta’ koppja li jkollhom it-tfal, imma hemm it-tfal u jiena nemmen li dawn għandhom dritt li jkollhom il-ġenituri leġittimi tagħhom u jkollhom omm u missier. L-istat dejjem irid jirregola l-ideal filwaqt li jirregola ċirkostanzi li mhumiex l-ideal.” Fenech stess ammetta li jien u hu mhux se naqblu fuq dan il-punt u fil-fatt hekk hu, għax x’inhu l-ideal? U dak li hu ideal għal Fenech mhux neċessarjament huwa għal ħaddieħor?

Huwa jikkritika l-leġislazzjoni tal-Gvern għal żwieġ bejn persuni tal-istess sess u jien infakkru illi bejn l-unjoni ċivili u ż-żwieġ ftit kien hemm differenza f’termini tad-drittijiet għax id-drittijiet daħlu kważi kollha mal-unjoni ċivili. Allura la mhux kontra l-unjoni ċivili għalfejn kontra ż-żwieġ?

“Jekk biddilt isem, biddilt ħafna. La kienet kwistjoni ta’ semantika għalfejn biddilna l-isem?” staqsa Fenech li jmur pass oltrè u jgħid li “żnaturajna ż-żwieġ” u anke r-referenza għall-omm u l-missier tneħħiet. Infakkru iżda li din kienet kollha ‘hype’ għax fil-verità tneħħew il-kliem: omm u missier biex jitpoġġew il-kliem: il-parti u l-oħra, ladarba m’għadniex qed nirreferu speċifikament għal raġel u mara.

 

Id-divorzju u l-Madonna: ‘Xi stennew? Li l-Madonna trid id-divorzju?’

Imma nduru fuq id-divorzju. Dawk li ma tantx għandhom wisq grazzja miegħu jfakkru fil-Madonna li spiċċat iżżeffnet fir-referendum dwar id-divorzju. “Il-kuntest kollu tagħha kien artiklu li deher fuq il-ġurnal The Times illi rrapporta kif ħafna nies kienu skandalizzaw irwieħom għax waqt il-purċissjoni tad-Duluri il-qassisin talbu biex il-Madonna teħlisna mid-divorzju. Jiena d-domanda tiegħi kienet; in-nies xi stennew? Li l-Madonna trid li d-divorzju jidħol? Il-konsegwenza tad-divorzju hija negattiva.”

Però nfakkru illi tpinġew xenarji ta’ diżastri u kollass li ma ġrawx. Ma jaħsibx li kienu eseġerazzjonijiet? U immaġina għadda r-referendum bir-riżultat li xtaqt int, kieku llum persuni sseparati ma jistgħux jiżżewġu mill-ġdid. X’konna nirbħu b’daqshekk?

“Huwa diffiċli tkejjel x’inhu kollass,” jgħid Fenech lil din il-gazzetta. “L-istat irid dejjem jippromovi l-istabbilità taż-żwieġ, għax dan jaqbel għall-partijiet kollha wkoll.”

Isemmi lista ta’ problemi li jkollhom familji fejn il-ġenituri ma jibqgħux flimkien. Imma nfakkru li divorzju jew le, dawn il-problemi dejjem se jkunu hemm. Allura għalfejn irid iċaħħadhom Fenech?

“Ħadd ma kien imċaħħad,” jgħid l-eks Ministru, “ħadd ma twaqqaf milli jkun ma’ xi ħadd,” jinsisti. Infakkru li hemm differenza bejn poġġut u miżżewweġ.

“Neħħejna l-kunċett ta’ żwieġ,” jerġa’ jinsisti “u nemmen li se jbatu aktar nies.”

 

 

‘Il-liġi ġdida toħloq tfal għall-adozzjoni’

U l-aħħar kwistjoni ‘morali’ li tqajmet fl-aħħar żmien, jiġifieri dik tal-IVF. Qabel mara setgħet tiffertilizza tliet bajdiet u jitpoġġew kollha fil-mara. Ikunu ffriżati biss fl-eċċezzjoni. Illum se jkunu jistgħu jiġu ffertilazzati ħames bajdiet u allura, jgħid il-Gvern, se jiżdied iċ-ċans li l-proċess ikun suċċess. U Fenech x’jaħseb?

“Qabel konna niffriżaw biss fl-eċċezzjoni biex insalvaw dak embrijun f’każi partikolari bħal meta l-mara jkollha mard. Il-liġi l-ġdida se tagħmel l-iffriżar in-norma għax minn ħamsa, tnejn biss se jkunu impjantati fil-mara. Allura qed toħloq trabi u titfagħhom fil-friża.”

Imma l-Gvern diġà qal li dawk l-embrijuni jistgħu jkunu adottati. “Il-kunċett tal-adozzjoni hija frott sfortuna, mhux noħloq it-tfal biex ikunu adottati. Ikunu adottati meta sfortunatament mietu l-ġenituri jew sfaw abbandunati. Mhux faċli tfihem lit-tfal li kienu adottati,” qal Fenech.

X Factor: ‘Inkisru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem żgur’

Intant mingħajr ma nistaqsih, l-intervista ddur fuq il-kwistjoni ta’ Matthew Grech u l-‘audition’ tiegħu fuq X Factor, ġimgħa wara li din il-gazzetta żvelat kif Ivan Grech Mintoff f’isem Matthew Grech kienu qed jheddu b’azzjoni legali.

“Jiena ħriġt ngħid li l-Gvern għamel żball li ħareġ jikkundanna lil Grech. L-ewwel nett hemm kwistjonijiet ta’ libertà reliġjuża u anke libertà tal-espressjoni.”

Fenech jistaqsi x’soċjetà hi din fejn, skontu, kulħadd jista’ jgħid li jrid ħlief min huwa Nisrani.

Imma allura bl-istess argument, il-Ministru Helena Dalli ma kellhiex dritt tikkritika lil Grech? “Għandha dritt iva. Imma hi l-istat, mhux persuna kwalunkwe,” qal Fenech illi sostna li dik tal-Gvern għal Matthew Grech kienet ‘over reaction’.

Imma Fenech jemmen li kien hemm pressjoni mill-Gvern kif qed jallega Ivan Grech Mintoff? “M’għandix dubju, fil-fatt fil-Parlament l-implikazzjoni kienet ċara.” U jaqbel ma’ Grech Mintoff li l-kwistjoni għandha titla’ quddiem il-Qorti? “Jien avukat m’iniex imma d-drittijiet fundamentali tal-bniedem inkisru żgur.”

‘Ir-realtà tal-proprjetà qed tiggrava’

Hu kien Ministru tal-Finanzi. Nistaqsih x’jaħseb dwar l-aħħar Baġit u mill-ewwel jgħid illi fil-pajjiż bħalissa waħda mill-aktar kwistjonijiet ta’ tħassib hija l-proprjetà. “Illum hija realtà soċjali li qed tiggrava. Illum koppji qed imorru għal postijiet li huma iżgħar u iktar ’il bogħod minn fejn riedu minħabba l-prezzijiet. Allura dik kwalità ta’ ħajja aħjar?” jistaqsi.

Imma Fenech mhux qed isemmi l-fatt li 80% tal-poplu huwa sid ta’ daru u allura għandhom ass li jiswa ħafna iktar flus. “Sewwa mela din id-dar żdiditilha l-valur. Jiena ma nista’ nagħmel xejn b’dan il-valur jekk mhux inbigħ id-dar li qed ngħix fiha. Issa jekk se nixtri dar oħra se tiġini l-istess prezz (jew ogħla) allura fil-verità bqajt fejn kont.”  

Jitfa’ botta politika u jgħid: “Tajjeb li 80% sidien ta’ darhom, imma mhux grazzi għal dan il-Gvern li għandna 80% li huma sidien darhom. Grazzi għal gvernijiet differenti, Nazzjonalisti u anke ta’ żmien Mintoff li għamlu politika biex in-nies isiru sidien ta’ darhom.”

Insemmilu l-white paper, imma jgħid li din mhi se tbiddel xejn.  Mela x’jista’ jagħmel il-Gvern? Ma jistax jikkontrolla. “Dak li dejjem għamel Gvern preċedenti. Il-Gvern irid jinfluwenza s-suq billi jibni appartmenti affordabbli fuq art tal-Gvern, għax l-art pubblika mhux għal tad-DB biss qiegħda. Kif gawdiet il-familja tiegħi fil-passat meta ngħatat post mill-Gvern. Għaliex waqafna llum?”

‘L-elezzjoni tal-MEPS hija l-veru test’

L-intervista riesqa lejn tmiemha u allura l-aħħar suġġett inevitabbli jkun il-Partit Nazzjonalista. Jaħseb li l-PN kien ħaqqu t-telfa tal-2017? “Jiena ma stennejtx li d-distakk se jibqa’ daqstant kbir. Imma b’ekonomija sejra tajjeb u bi gvern fl-ewwel leġiżlatura, kont naf li se jitla’ l-Partit Laburista. Jiena naħseb illi d-distakk kien daqstant kbir għax il-korruzzjoni baqgħet l-unika messaġġ tal-partit u allura jista’ jkun li n-nies li kienu lesti jbiddlu l-Gvern għax kien imċappas, kienu jivvutaw PN kieku ta l-alternattivi ekonomiċi. Il-PN ma kellux risposta tajba biżżejjed għall-mistoqsija dwar x’kien se joffri differenti.”

Adrian Delia jitkellem ħafna fuq kwistjonijiet li jolqtu lin-nies, imma xorta mhux qed jagħmel wisq avvanz fis-sondaġġi. Għandu jibqa’ Kap tal-PN? “Bl-istruttura ta’ kif isir kap ta’ partit hu għandu kull dritt jibqa’ hemm sakemm jitlef elezzjoni ġenerali. Issa l-mazz f’idejh...”

Fenech ikompli jinsisti li l-veru test hija l-elezzjoni tal-MEPs is-sena d-dieħla. “Naħseb imma li l-partit ma jistax jirbaħ jekk ma jidhirx magħqud u jekk mhux se jkun magħqud se jkun qed jaħli l-ħin.”

Imma jekk is-sena d-dieħla jerġa’ jiżdied id-distakk x’għandu jagħmel Delia? Għandu jitlaq? “Jekk id-distakk jerġa’ jiżdied il-partit ikollu jagħmel eżami tajjeb tal-kuxjenza, lil hinn mill-Kap. Partit qatt ma jirbaħ biss bil-Kap, irid ikun sforz sħiħ, naraw il-kwistjonijiet li qed jitkellem dwarhom, hux qed jitwemmen u ħafna iktar.” Imma qed jitwemmen? “Jiena niltaqa’ mal-estremi kollha, min iridu lil Delia u min jaħseb li l-PN għamel żball.”

‘M’inix interessat’

Din il-gazzetta staqsiet lil Fenech jekk hux beħsiebu jikkontesta l-elezzjoni jew jerġa’ jidħol fil-politika bir-risposta tkun fin-negattiv.

“M’għandix interess. Kieku ridt noħroġ fl-aħħar elezzjoni kont nitla’ minn żewġ distretti imma jien għażilt li daqshekk.”

“Jiena kburi li għamilt 10 snin immexxi l-finanzi tal-pajjiż u m’hemmx akkuża waħda li hi waħda ta’ korruzzjoni u minn taħt idejja għaddew tenders ta’ miljuni kbar,” sostna Fenech.

“Meta l-Labour kien fl-oppożizzjoni riduni nirreżenja fuq arloġġ, imma fuq stejjer ħafna akbar...m’għandi xejn fuq il-kuxjenza.”

More in Politika