L-Arċisqof Charles J. Scicluna jingħata pożizzjoni għolja fil-Vatikan

Il-Papa Franġisku jaħtar lill-Arċisqof Scicluna bħala Deputat Segretarju tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi tas-Santa Sede

L-Arċisqof Charles J Scicluna
L-Arċisqof Charles J Scicluna

Il-Papa Franġisku ħatar lill-Arċisqof Charles J. Scicluna bħala Deputat Segretarju tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi tas-Santa Sede. Filwaqt li jibqa’ l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Scicluna ser jagħti sehem ikbar f’din il-Kongregazzjoni li hija responsabbli mill-promozzjoni u l-ħarsien tad-duttrina tal-fidi u l-morali fil-Knisja.

Fil-preżent, l-Arċisqof Scicluna huwa membru tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi u President ta’ Kulleġġ Speċjali fl-istess Kongregazzjoni, li jiddeċiedi rikorsi f’xi proċessi kanoniċi.  
Biex jaqdi l-missjoni fdata lilu mill-Papa Franġisku, l-Arċisqof Scicluna ser ikun Ruma għal ftit jiem fix-xahar. Fl-assenza tal-Arċisqof, it-tmexxija ordinarja tal-Arċidjoċesi ta’ Malta tkun f’idejn l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi

L-Arċisqof Charles J Scicluna mal-Papa Franġisku
L-Arċisqof Charles J Scicluna mal-Papa Franġisku

More in Politika