Delia: 'Min qed imexxi mhux jaħdem għall-aqwa interess tal-pajjiż imma tiegħu'

  • Dibattitu fil-Parlament dwar l-aħħar żviluppi politiċi rigward 17 Black, wara talba tal-Oppożizzjoni 
  • Il-Viċi PM ifakkar illi l-unika Deputat li kellu akkużi kontrieh imma li m'għandux proċessi ġudizzjarji kontrieh huwa Adrian Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia talab lill-Parlament biex taġġorna u tiddiskuti l-każ ta' 17 Black wara l-aħħar żviluppi li żvelaw kif Yorgen Fenech, Direttur ta' Electrogas li bniet u qed tmexxi l-Power Station, huwa s-sid ta' 17 Black. 

"Ma' kull ġurnata qed issir il-ħsara lis-settur finanzjarju," sostna Delia. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal illi m'hemm xejn nadif dwar din il-materja.

"Joseph Muscat għal xhur sħaħ rabat id-destin politiku tiegħu ma' Egrant. Għal tant drabi aċċerta lill-poplu li jekk jirriżulta li Egrant hija tiegħu kien jirriżenja. Issa huwa ċar u stat ta' fatt li hemm żewġ kumpaniji miftuħin fil-Panama u nafu ta' min huma...fuq il-kejl tal-Prim Minstru innifsu kellhom jirreżenjaw Konrad Mizzi u Keith Schembri." 

"Dawn il-kumpaniji kienu reġitsrati f'pajjiż fejn inti trid taħsel il-flus," sostna Delia b'referenza għall-Panama fejn infetħu l-kumpaniji Tillgate u Hernville ta' Schembri u Mizzi rispettivament. 

Delia fakkar illi huwa l-Prim Minuistru stess li qed iwaqqaf l-inkjesta, hekk kif il-Gvern fil-fatt qed jappella d-deċiżjoni tal-Qorti illi jibdew proċeduri fil-Qorti dwar il-ftuħ u l-użu ta' żewġ kumpaniji fil-Panama. 

"Min qed jieħu d-deċiżjonijiet mhux qed jaħdem għall-aqwa interess tal-pajjiż imma għall-interess tiegħu stess. Minflok jara kif se jġib l-aqwa u l-aħjar, jaraw kif se jiftħu l-kumpaniji. X'inkjesta hemm bżonn biex il-poplu jirrealizza li dan mhux sew? X'inkjesta hemm bżonn biex nirrealizzaw illi dan mhux biss ħażin imma abbuż sfaċċat ta' poter?" staqsa Delia li qal illi fl-ebda pajjiż fil-punent ma toħroġ informazzjoni bħal ma ħareġ dwar 17 Black u ma jasir xejn u ħadd ma jġorr ir-responsabilità politika. 

"X'inhi r-raġuni li fuq din il-materja għandu jdejh marbutin Muscat? X'hemm x'iżomm lill-Prim Ministri milli jitkellem?" 

"Ħadd mhu 'l fuq mill-liġi," sostna Delia li qal li issa ma fadal ebda dubju f'moħħ ħadd dwar dak li qed jiġri madwarna. "M'hemm ebda raġuni għalfejn ma titeħidx responsabilità politika."

'Dawn kienu qed idaħħlu l-flus fil-but...l-akbar każ ta' korruzzjoni' - Simon Busuttil

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil sostna li issa ż-żejt tela' f'wiċċ l-ilma. "Ma wieġbu xejn dwar il-gravità ta' dak li ġara. Dan huwa l-akbar każ ta' korruzzjoni li qatt ra pajjiżna," sostna Busuttil. 

"Hemm differenza bejn responsabilità politika u dik legali. Jekk tħallu lill-Qorti u mhux toġezzjonaw għall-inkjesta insiru nafu x'inhi r-responsabilità legali. Imma aħna qed nitolbu għar-responsabilità politika wkoll."

"Il-Prim Ministru jew kien jaf jew messu kien jaf ta min hija 17 Black. La kien jaf jew messu kien jaf, il-PM huwa responsabbli jekk mhux ukoll kompliċi magħhom," sostna Busuttil. 

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni fakkar illi f'dawn il-kumpaniji kellhom jidħlu $150,000 fix-xahar u issa "sirna nafu li l-flus kienu ġejjin mingħand sid il-Power Station...dawn kienu qed jippjanaw biex idaħħlu l-flus fil-but huma."

Hu jistaqsi kif ħadd mid-39 Deputat tal-Gvern ma jieqaf għall-Gvern u jgħid li ma jridx ikollu x'jaqsam "ma dan il-ħmieġ."

'L-istituzzjonijiet xogħolhom qed jagħmluh...' - Chris Fearne

Fl-intervent tiegħu il-Viċi PM Chris Fearne staqsa x'qed jippretendi li jiġri Adrian Delia, jekk hux il-Gvern jindaħal hu. Fearne semma' l-istorja ta' David Casa u allegazzjonijiet dwar teħid ta' drogi u fakkar illi hu dakinhar sostna li se jħalli l-protest ġudizzjarju jieħu l-kors tiegħu. 

"L-uniku wieħed li għandu akkużi u allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu u m'hemmx proċess ġudizzjarju kontrieh huwa Adrian Delia," sostna Fearne f'referenza għall-allegazzjonijet li kienet ippublikat Daphne Caruana Galizia fil-konfront ta' Delia.

"Ir-Reuters u t-Times qed jikkwotaw lill-FIAU u allura dawn qed jikkonfermaw li l-istituzzjonijet xogħlhom qed jagħmluh u ejja nħallu l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħolhom."

'L-inkjesta dwar Egrant biss nistgħu nieħdu bħala vanġelu...' - Chris Cardona

"Kieku qgħadna fuqek fuq Egran! Inti tlift il-kredibilità mhux biss mill-poplu imma mill-Kap tieghek stess." Hekk sostna l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona. 

Cardona staqsa għalfejn Busuttil ma semmiex il-Kumpanija Egrant, kumpanija li allegatament kienet ta' Michelle Muscat imma inkjesta mill-Maġistrat Aaron Bugeja ma sabet ebda prova ta' dan u l-ebda kont ta' Egrant fil-Bank Pilatus. L-inkjesta ma sabet ebda tranżazzjonijiet mill-Ażerbajġan jew minn kwalunkwe post ieħor għal kont ta' Egrant. 

Il-Ministru qal li fil-Partit Nazzjonalista ma nbidel assolutament xejn. "U l-poplu se jagħmel ġudizzju...ikun żball li nieħdu dak li jkun ippubblikat bħala vanġelu. Fuq ta' Egrant nistgħu nieħdu bħala vanġelu, tridu u ma trdux," sostna Cardona. 

More in Politika