'Jum storiku għall-pajjiżna, għaliex se nkunu qed insaħħu d-demokrazija'

Il-President tfaħħar lill-Parlament Malti għall-mod li bih qablu fuq in-nomina ta’ Hyzler

Waqt id-diskors tagħha fiċ-ċerimonja tal-ħatra ta' George Hyzler bħala l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-President ta' Malta Marie Louise Coleiro Preca sostniet li,"dan huwa jum storiku għal pajjiżna għaliex dan huwa mod prattiku ta’ kif ser inkunu qed insaħħu d-demokrazija tagħna”

Żiedet tgħid li, "meta l-Parlament, il-Membri Parlamentari, il-Ministri, u n-nies ta’ fiduċja tagħhom ser ikunu taħt skrutinju, din se tagħti wkoll serħan tal-moħħ u aktar kontabbiltà."

Il-President Coleiro Preca qalet li permezz tal-Uffiċċju tal-Kumissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, “ħa nkunu qiegħdin mhux biss qed nagħtu dan is-serħan tal-moħħ, imma ser inkunu qiegħdin ukoll ninkoraġġixxu aktar nies sabiex iħarsu lejn il-politika bit-tir li jservu fl-ogħla istituzzjoni tagħha.”

Il-President raddet ħajr ukoll lill-Parlament Malti għall-mod li bih qablu fuq in-nomina ta’ Hyzler. Hija qalet li din kienet prattika ġdida mill-aktar tajba, hekk kif il-proposta mressqa mill-Oppożizzjoni ġiet milqugħa mill-Gvern biex issir din il-ħatra.

Il-President tenniet li għaliha dan huwa wkoll pass importanti u jirrifletti ħafna fuq is-serjetà li l-Parlament tagħna qed jieħu biex jkollna dan l-uffiċċju b’saħħtu, b’funzjoni msaħħa “ħalli nassiguraw li tassew insaħħu d-demokrazija parlamentari tagħna fuq livell ieħor.”

Il-President stqarret ukoll li permezz ta’ dan l-uffiċċju l-ġdid, ir-rappreżentanti tan-nies fil-Parlament mhux biss iridu tagħhom infushom ikunu 'self-regulating', iżda issa wkoll, jekk ma jkunux, se jkun hemm min jara li, fl-aħjar interess tan-nies, min jirrappreżenta lill-poplu tagħna fil-Parlament ikun qed jaħdem u qed jimxi kif suppost jimxi fl-aħjar interess ta’ pajjiżna.

Il-President Coleiro Preca awgurat lil George Hyzler għall-kariga l-ġdida tiegħu.

More in Politika