Casa jorbot l-aħħar żviluppi dwar 17 Black mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

....jgħid illi qabel inqatlet Caruana Galizia kienet qed taħdem 'fuq l-akbar leak ta' informazzjoni' b'eluf ta' dokumenti dwar l-Electrogas

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal illi meta nqatlet, Daphne Caruana Galizia kienet qed taħdem fuq "l-akbar leak ta’ informazzjoni li qatt kienet irċeviet. Hi kienet qed iddur eluf ta’ dokumenti dwar l-Electrogas li waslu għandha mingħand sors. Il-fatt li d-direttur tal-Electrogas issa sar magħruf li hu l-UBO ta’ 17 Black jista jwassal għal implikazzjonijiet serji fuq l-investigazzjoniji tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.”

David Casa emfażizza dan f’ittra li bagħat illum lill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Věra Jourová, li fiha rrefera għall-aħħar rivelazzjonijiet dwar 17 Black u r-rabta finanzjarja bejn wieħed mix-shareholders tal-Power Station tal-Electrogas u l-kumpaniji sigrieti taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi. Fl-ittra tiegħu, l-MEP Casa emfażizza l-importanza ta’ inkjesta pubblika indipendenti dwar ir-rwol tal-Istat Malti fl-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.

Fil-kummenti lill-midja, l-MEP David Casa qal: “dak li ġie ppubblikat nhar il-Ġimgħa ikompli jikkonferma l-provi li l-kumpaniji sigrieti ta’ Mizzi u Schembri nfetħu biex jirċievu flus ġejjin mill-korruzzjoni minn proġetti - għad-detriment tal-poplu Malti u Għawdxi li jħallas it-taxxa. Dan mhu xejn għajr serq.”

More in Politika