Maltin jistudjaw sistema innovattiva kif ajruplan jitwassal sar-runway mingħajr ma juża l-magni

L-Istitut tat-Teknoloġija Aerospazjali fi ħdan l-Università ta’ Malta qed jistudja sistema innovattiva kif ajruplani jistgħu jitwasslu sar-runway u lura mingħajr il-bżonn li jużaw il-magni

Esperti u studenti Maltin qed jistudjaw metodu innovattiv kif ajruplan jista’ jitwassal mit-‘terminal’ għal fuq ir-‘runway’ u viċi versa mingħajr ma jkun hemm bżonn li jitħaddmu l-magni, bl-għan aħħari jkun li jonqsu l-emmissjonijiet u anke l-istorbju.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Inġinier Jason Gauci li spjega kif SATMEC, il-proġett ta’ riċerka, qed ikun ikkordinat mill-Istitut tat-Teknoloġija Aerospazjali fi ħdan l-Università ta’ Malta, bil-kollaborazzjoni ta’ HandsOn Systems u anke l-Malta Air Traffic Services li topera t-torri tal-kontroll tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

L-Inġinier Gauci spjega kif il-proġett qiegħed jistudja l-użu ta’ ‘tow-trucks’ li jaħdmu bl-elettriku u b’mod awtomatiku, jiġifieri mingħajr il-bżonn ta’ xufier, li jiġbdu l-ajruplan lejn ir-‘runway’ mingħajr il-bżonn li l-bdoti jħaddmu l-magni.

Kompla jispjega kif kull sena l-passiġġiera li jagħmlu użu mill-ajruplani qed jiżdiedu, bis-sena li għaddiet biss l-ajruplani kummerċjali qdew lil madwar erba’ biljun passiġġier madwar id-dinja. Ma hemmx għalfejn immorru ’l bogħod. Qed ikun imbassar li sal-aħħar ta’ din is-sena, mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jkunu għaddew kważi seba’ miljun passiġġier.

Dan ifisser li kull sena qed jiżdied dak magħruf bħala ‘air traffic,’ li awtomatikament ifisser aktar traffiku fl-ajruporti u għalhekk li l-industrija u anke akkademiċi qed jipproponi diversi strateġiji li jistgħu jintużaw waqt it-‘taxiing’ tal-ajruplani. Fil-fatt SATMEC qiegħed jaħdem fuq waħda minn dawn il-proposti.

S’issa x’jeżisti?

Mal-ILLUM, l-inġinier spjega li jekk jirriżulta li din is-sistema tkun vijabbli, dan se se jkun metodu innovattiv għall-aħħar hekk kif minkejja li jeżistu sistemi simili ta’ ‘tow-trucks’ li jaħdmu bl-elettriku, sa issa dawn jirrikjedu li jkun hemm sewwieq.

Metodu ieħor jinkludi mutur imqabbad mar-rota ta’ quddiem tal-ajruplan li jintuża sakemm l-ajruplan jasal fuq ir-‘runway’ mingħajr il-bżonn li jintużaw il-magni. Iżda Galea saħaq li dan il-metodu, għalkemm ukoll inaqqas l-emmissjonijiet, għandu l-iżvantaġġi tiegħu għax bażikament l-ajruplan qed iġorr il-ħin kollu dan il-mutur miegħu.

X’qed janalizza dan il-proġett?

L-inġinier kompla jispjega li l-proġett qiegħed jaħdem biex jindirizza tliet sfidi ewlenin għal din is-sistema. L-ewwel nett saħaq li huwa importanti li anke jekk tkun introdotta din is-sistema, l-uffiċjali tat-torri tal-kontroll xorta waħda għandhom ikunu konxji ta’ dak li qed jiġri, mingħajr ma tiżdidilhom il-pressjoni fuq ix-xogħol tagħhom li diġà jirrikjedi ħafna ħsieb u attenzjoni.

Għalhekk SATMEC qiegħed jiżviluppa sistema illi, fost oħrajn, tkun responsabbli li talloka trakk għal kull ajruplan u tkun l-istess sistema li awtomatikament tagħżel l-aħjar rotta li għandhom jieħdu t-trakkijiet biex iwasslu l-ajruplan.

Din is-sistema tipprovdi wkoll lit-torri tal-kontroll bl-informazzjoni dwar il-moviment ta’ kull ajruplan u anke jkun jista’ jagħti l-permess jew ibiddel ir-rotta li tkun ġiet proposta mis-sistema.

Iżda hemm sfida oħra importanti li dan il-proġett qiegħed jipprova jindirizza, jiġifieri li t-‘tow-trucks’ li kif spjegajna aktar ’il fuq jaħdmu b’mod awtomatiku, ikunu kapaċi jidentifikaw ostakli, bħall-bini, strutturi, vetturi u anke ajruplani.

Għalhekk, SATMEC qed jipproponi l-użu ta’ għadd ta’ ‘sensors’ li ‘jikkollaboraw’ flimkien u jidentifikaw ostakli u anke d-distanza tagħhom mill-ajruplan biex it-‘tow-truck’ ikun jista’ jalloka biżżejjed spazju biex l-ajruplan jitwassal għar-‘runway’ jew it-‘terminal’ mingħajr periklu.

L-użu ta’ għadd ta’ ‘sensors’ jgħin ukoll f’każ li ‘sensor’ ifalli, għax hekk ikun hemm oħrajn li qed ipattu għalih.

Fil-fatt, l-inġinier Gauci spjega li minkejja li l-istudju għadu fl-ewwel sena tiegħu, diġà saru studji oħra mill-istess Istitut dwar ‘sensors’ li jintużaw biex inaqqsu inċidenti fl-ajruporti li ħafna drabi jkunu riżultat ta’ żbalji li jieħdu l-bdoti. Fi kliem l-enġinier, l-istess teknoloġija tista’ tintuża kemm mill-bdoti nfushom u anke minn dawn ‘it-tow-trucks’ jekk eventwalment ikunu introdotti.

L-istudju qed jaħdem ukoll biex jindirizza sfida oħra, jiġifieri li dawn it-‘tow-trucks’ awtomatiċi jkunu kapaċi jimxu b’mod preċiż mal-linji (taxiway centerline) li jkun hemm apposta mal-art biex jiggwidaw lill-bdoti. F’każ li ajruplan ma jkunx qiegħed iċċentrat ma’ dawn il-linji, jikber ir-riskju li jirfes il-ħaxix jew il-ħamrija u jeħel hemm, jew agħar minn hekk jaħbat ma’ ostaklu li jkun hemm barra mit-‘triq,’ inċident li jista’ jkun fatali.

Għal dan l-għan, SAMTEC qed jipproponi l-użu ta’ kameras apposta, inkluż dawk li jaħdmu bl-‘infrared,’ liema kameras ikunu installati fuq it-‘tow-trucks’ bil-għan li jsegwu l-linji u jkun assigurat li t-trakk ikun iċċentrat. It-tir huwa li din is-sistema tkun tista’ taħdem f’kundizzjonijiet differenti ta’ temp u viżibilità u mhux tkun tiddependi biss mill-GPS.

Kemm hi vijabbli għal Malta?

Għalhekk wieħed jista’ jikkonkludi li dan il-proġett mhux biss se jkun qiegħed inaqqas l-emmissjonijiet imma anke jżid is-sigurtà u l-effiċjenza filwaqt li s-sistema tkun tista’ tgħin ukoll lit-torri tal-kontroll.

Mistoqsi meta se jkun konkluż il-proġett, Jason Gauci qal li x-xogħol kollu mistenni jkun konkluż is-sena d-dieħla.

Saħaq li minkejja li din is-sistema tista’ taħdem l-aktar f’ajruporti kbar, fejn id-distanza mit-terminal għar-‘runway’ tkun twila u jkun hemm diversi rotot minn fejn wieħed jista’ jgħaddi, insista li l-Malta Air Traffic Systems huma pożittivi ħafna dwarha.

“F’dan l-istadju qed nagħmlu r-riċerka u mbagħad inressqu l-proposti lill-awtoritajiet,” qal l-Inġinier waqt li saħaq li wara dan wieħed ikun jista’ jistudja aktar fil-fond dwar il-vijabilità ta’ din is-sistema anke għal Malta.

More in Politika