Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

74% tal-Maltin inkwetati li dak li qed jitfgħu fuq Facebook qed jintuża politikament

...u 83% jridu li siti tal-aħbarijiet u soċjali jiddikjaraw meta artiklu jkun riklam u jgħidu min ħallsu

Albert Gauci Cunningham / 15 ta' Novembru 2018 09:13
Kif jaf kulħadd f’pajjiżna, il-jum ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali huwa dak magħruf bħala ‘Jum tas-Silenzju’. Silenzju, propju għaliex bil-liġi l-ikkampanjar, stampar ta’ materjal u kwalunkwe tip ta’ attivitajiet politiċi jeħtieġ jieqfu f’nofsillejl tal-ġurnata ta’ qabel. Dan il-jum ilu jkun taħt kritika minn diversi persuni fil-midja bil-qofol jintlaħaq fl-2013 meta saru rapporti kontra Daphne Caruana Galizia u anke kontra l-eks Deputata Deborah Schembri, illi kitbu jew għaddew messaġġ li kien meqjus bħala politiku.

Minkejja ċiniżmu ġenerali mill-midja, ċifri maħruġin mill-Kummissjoni Ewropea juru illi l-maġġoranza qawwija tal-Maltin jemmnu illi din il-ġurnata għandha tkun estiża wkoll għan-networks soċjali, bħal Facebook u Twitter.

Fil-fatt 30% tal-Maltin huma ‘ħafna favur’ li l-liġi tapplika wkoll għall-internet u networks soċjali filwaqt li 49% huma ‘iktar favur milli kontra’. Min-naħa l-oħra huma biss 3% tal-Maltin li jemmnu illi dak li jgħodd għall-midja tradizzjonali m’għandux jgħodd għall-online filwaqt li 10% ‘iktar favur milli kontra.’

Fl-ewwel riżultati ta’ studju tal-Ewrobarometru dwar l-elezzjonijiet u d-demokrazija, jirriżulta illi madwar l-Unjoni Ewropea l-popli jemmnu li n-networks soċjali għandhom ikunu rregolati, bħall-midja aktar tradizzjonali.

Fil-fatt 83% tal-Maltin jemmnu illi f’ġieħ it-trasparenza pjattaformi tal-internet għandhom jagħmlu ċar liema kontenut huwa riklamar u min qed iħallas għalih. Jiġifieri jekk artiklu jkun miktub għal fini ta’ riklmar, il-pubblikatur jew l-editur jeħtieġ jgħid li dak l-artiklu huwa fil-fatt riklam u jsemmi l-kumpanija li ħallset għalih. L-Ewropej jidher li huma tal-istess fehma fuq din il-kwistjoni b’varjazzjoni ta’ bejn massimu ta’ 92% tal-Griegi u minimu ta’ 70% fil-Litwanja.

81% tal-Maltin jaqblu illi networks soċjali u siti oħrajn online jridu jibdew jiddikjaraw kemm jaqilgħu flus minn partiti politiċi u gruppi li jkunu qed imexxu kampanji u kemm qed jappoġġjaw lil dawn, għall-flus li qegħdin jaqilgħu. Anke hawn il-maġġoranza f’kull pajjiż jaħsbuha l-istess anke jekk fil-Litwanja l-persentaġġ jinżel għal 67%.

Kważi tlieta minn kull erba’ Maltin, jew 74%, huma mħassbin bil-fatt illi informazzjoni li jħallu fuq Facebook hija użata biex jintbagħtu messaġġi politiċi, bil-problema li jista’ ma jkunx hemm kompetizzjoni libera u ġusta bejn il-partiti. Hawnhekk l-opinjonijiet ivarjaw iktar b’48% biss tal-Estonjani jaħsbuha l-istess.

B’mod ġenerali 80% tal-Maltin iħossu li dak li japplika għall-midja aktar tradizzjonali, għandu japplika wkoll għal midja online u anke siti soċjali.

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook