Analiżi | Daqqa ta’ ħarta għal Trump jew suċċess għalih?

Donald Trump kien pront jiddiskrivi r-riżultat tal-‘Mid terms’ bħala suċċess u d-Demokratiċi qalu li dan huwa l-ewwel musmar fit-tebut ta’ Donald Trump; imma lil’ hinn mill-opinjoni partiġġjana xi jfisser verament ir-riżultat tal-elezzjonijiet Amerikani ta’ din il-ġimgħa? L-ILLUM tanaliżża…

Il-ġimgħa li għaddiet, il-votant Amerikan reġa’ ħareġ sabiex jivvota fl-elezzjonijiet tal-‘Midterms’, li jsiru kull sentejn bl-għan li jiġu eletti l-Membri tal-Kamra u l-Membri tas-Senat. F’din l-elezzjoni, wara tmien snin, il-Partit Demokratiku Amerikan rebaħ lura l-Kamra tar-Rappreżentanti u min-naħa l-oħra r-Repubblikani komplew isaħħu l-maġġoranza tagħhom fis-Senat.

Ftit wara li tħabbar ir-riżultat, Trump b’mossa li saret sinonima mal-Presidenza tiegħu, reħielha għal fuq is-sit ta’ Twitter biex jagħmilha ċara li dan ir-riżultat kien wieħed ta’ suċċess. Min-naħa tagħhom d-Demokratiċi kienu f’ewforja hekk kif għal ħafna r-rebħa tal-Kamra kienet l-ewwel pass għall-‘Oval Office’ fl-2020. Però fil-verità dan ir-riżultat xi jfisser? Veru rebħa għall-Trump? Dawn il-kisbiet u t-telfiet x’konsegwenzi jista’ jkollhom? U X’inhuma l-prospetti ta’ Trump għal 2020, tajbin jew ħżiena? L-ILLUM tanalizza.

Għalkemm il-45 President tal-Amerika mill-ewwel sejjaħlu suċċess kbir huwa evidenti li f’dawn l-elezzjonijiet, id-Demokratiċi rpiljaw mir-riżultat diżastruż tal-elezzjonijiet presidenzjali 2016. Lil hinn mill-fatt li rnexxielhom jiksbu l-maġġoranza tal-Kamra li għandha l-poter li tfassal liġijiet ġodda, d-Demokratiċi rnexxielhom jirreġistraw rebħ fi stati li fl-2016, tkaxkru mal-mewġa Trump, eżempju ċar ikun dak tal-istat ta’ Wisconsin.

Apparti minn hekk, għall-ħafna Demokratiċi bil-ħolma li jaraw lill-Trump barra mill-White House u lura fuq  ‘The Apprentice,’ din l-elezzjoni kienet xaqq ta’ dawl hekk kif issa jistgħu jibdew il-proċeduri ta’ ‘impeachment’ kontrih. Apparti minn hekk hemm il-possibbiltà li jistgħu jibdew proċeduri simili kontra membri tal-ġudikatura fosthom il-membru ġdid tas-Supreme Court, Brett Kavanaugh, li kellu kandidatura kontroversjali. Minkejja dan kollu, ta’ min jgħid li biex jibdew dawn il-proċeduri xorta waħda jeħtieġ li żewġ terzi tas-Senat jivvota favur li se tkun daqxejn diffiċli hekk kif ir-Repubblikani reġgħu saħħew il-pożizzjoni tagħhom hawnhekk.

Fuq nota differenti, it-telfa tal-kamra f’ambitu ekonomiku pożittiv ħafna, inkluż rata baxxa immens ta’ qgħad taf tkun inkwetanti għal Trump u r-Repubblikani, li jibbażaw porzjon konsiderevoli mill-istrateġija politika tagħhom fuq dan is-suċċess ekonomiku.

Min-naħa l-oħra, ir-riżultat mhux kollu ward u żahar għad-Demokratiċi. Qabel din l-elezzjoni, dawk fuq ix-xellug bdew ibassru mewġa blu (blue wave), li kienet ġejja b’kurrent kbir biex tkaxkar u tingassa mill-istorja ‘l-iżball’ li kien sar fl-2016, meta l-votant Amerikan għażel lil Trump flok Clinton. Minkejja dawn l-aspettativa, jidher biċ-ċar li din l-elezzjoni swiet ta’ konferma tal-popolarità tal-President Amerikan madwar is-soċjetà Amerikana.

Fuq tema differenti, ta’ min isemmi wkoll, (mingħajr ovvjament ma wieħed ineħħi l-ebda kredttu mill-poter leġislattiv u amministrattiv tal-Kamra) il-qawwa kbira tas-Senat li żgur mhux forsi se tkun ta’ arma utli għal-Trump u sħabu. Dan partikolarment fil-ħatra tal-ġudikatura hekk kif fil-passat Trump sikwit kellu diffikultà meta jiġi biex jagħmel ħatriet. L-aħħar każ ikun dak ta’ Brett Kevanaugh li kontrih kien hemm allegazzjonijiet li stupra lil Christine Blasie Ford. B’hekk issa l-45 President tal-Istati Uniti se jkollu aktar ċans li jaħtar ġudikaturi li jirriflettu l-linja tal-ħsieb tiegħu.

Riflessjoni oħra wara din l-elezzjoni hi li ħafna membri tal-Kamra mill-Partit Repubblikan, li għalkemm iħobbu l-partit ma setgħu qatt jaċċettaw il-Trump, f’din l-elezzjoni baqgħu lampa stampa u ma ġewx eletti. Għalhekk, wieħed forsi jista' jgħid li dan se jkun ta’ gwadann għall-għaqda fl-Partit Repubblikan.

Fl-aħħar nett, għalkemm id-Demokratiċi rnexxielhom jisirqu lura dawk l-istati li Trump rebaħ fl-2016, ta’ minn isemmi li jekk wieħed iħares lejn l-istorja elettorali Amerikana, dawn l-elezzjonijiet ftit li xejn kienu tbassir fattwali tal-elezzjoni prospettiva, f’dan il-każ tal-2020.

Pereżempju fl-1982, l-eks President Ronald Raegan, tilef 26 siġġu fil-Kamra, però żamm kontroll tajjeb tas-senat. Sentejn wara Reagan rebaħ l-elezzjoni kontra Walter Mondale. L-istess nistgħu ngħidu għat-tieni elezzjoni ta’ Clinton u Obama meta t-tnejn li huma tilfu l-kamra però xorta waħda rebħu l-elezzjoni ta’ wara u reġgħu ġew eletti.

More in Politika