L-ALPA takkuża lil Air Malta li qed tinħeba wara skuża biex tgħatti kriżi ta' mmaniġjar

Dan wara li titjira lejn Moska telqet 10 sigħat wara għax l-ekwipaġġ sħiħ irrapporta ma jiflaħx

L-ALPA, il-unjin Maltija tal-bdoti, akkużat lil-Linja Nazzjonali tal-Ajru li qed tinħeba wara skuża biex tgħatti “l-kriżi ta’ tmexxija fl-Air Malta,” u l-inċident tal-bieraħ seta’ kien evitat kieku kien hemm ippjanar adegwat.

Hija kienet qed tirreaġixxi għall-istqarrija tal-Air Malta wara li lbieraħ titjira minn Malta għal Moska ttardjat għal aktar minn 10 sigħat wara li ekwipaġġ sħiħ ċempel bis-sick.

Il-linja tal-ajru saħqet li sejħet ekwipaġġ li kien standby biex jieħu ħsieb it-titjira iżda anke wieħed mill-bdoti rrapporta li kien ma jiflaħx, bil-linja tal-ajru ma jkollha l-ebda għażla oħra ħlief li tittardja t-titjira.

Madanakollu, l-ALPA qed tisħaq li dan il-bdot kien ilu fuq extended sick leave għal kważi xahar u l-Air Malta kienet taf.

Biex is-sitwazzjoni reġgħet lura għan-normal, l-Air Malta kellha tistenna ajruplan mikri li jasal Malta. Dan l-ajruplan ħa ħsieb it-titjira KM 100/1 minn Malta għal Londra.

Minħabba dan il-każ, kien hemm għadd ta’ titjiriet oħra tal-Air Malta li kellhom jittardjaw u dan sewa lill-linja tal-ajru €85,000.

More in Politika