Trump jirrevoka permess ta' ġurnalist wara li beda jgħafsu bil-mistoqsijiet

Minkejja filmati, il-White House akkużat lill-ġurnalist li refa' jdejh fuq ħaddiema tal-White House

Ritratt minn filmat tal-BBC
Ritratt minn filmat tal-BBC

Il-President Amerikan Donald Trump irrevoka l-kredenzjali ta’ ġurnalist tas-CNN li jirrapporta mill-White House wara li lbieraħ baqa’ jgħafsu bil-mistoqsijiet.

Jim Acosta baqa’ jinsisti li jsaqsi lill-President Trump iżda l-President beda jirrifjuta li jwieġbu, jgħidlu biex ipoġġi u saħansitra jgħajru arroganti.

Minkejja dan, il-kelliema tal-White House Sarah Sanders saħqet li l-permess ġie rrevokat wara li l-ġurnalist refa’ jdejh fuq ħaddiema tal-White House li marret biex teħodlu l-White House, anke jekk fil-filmati, Acosta fl-ebda ħin ma jidher jerfa’ jdejh.

Fil-fatt, ġurnalisti oħra li kienu preżenti kitbu fuq Twitter jisħqu li l-ġurnalist qatt ma refa’ jdejh fuq il-ġurnalista u beda biss jagħmel xogħlu.

Din mhux l-ewwel darba li l-President Amerikan kellu xi jgħid mal-ġurnalisti tas-CNN li ma tantx għandu simpatija kbira mal-amministrazzjoni ta’ Trump.

Ilbieraħ, Trump saħħaħ il-maġġoranza tiegħu fis-Senat iżda tilef il-maġġoranza komda li kellu fil-Kamra tar-Rappreżentanti.

More in Politika