Erġajna! Din id-darba wiċċ Bonnici b'attivisti jsejħulu 'l-Ministru taċ-Ċensura'

Dan wara li lbieraħ tpoġġa ħadid taħt it-taraġ li jagħti għall-Monument tal-Assedju

Attivisti minn #Rezistenza weħlu ritratt tal-Ministru Owen Bonnici u strixxun li jirreferi għalih bħala “l-Ministru taċ-Ċensura.”

L-attivisti għamlu din il-protesta wara li lbieraħ ħaddiema poġġew ħadid taħt it-taraġ li jagħti għall-Monument tal-Assedju li għalaq l-aċċess għall-istess Monument Nazzjonali.

Dan wara li l-Ministeru għall-Kultura kien għatta l-Monument bil-għan li jibda fuqu xogħol ta’ restawr, anke jekk dan ma niżel xejn tajjeb ma’ persuni li ilhom aktar minn sena jpoġġi fjuri u xemgħat għal Daphne Caruana Galizia quddiem dan il-Monument.

Huwa evidenti li l-Ministru għall-Kultura u l-Ġustizzja Owen Bonnici qiegħed jabbuża mill-poteri fdati lilu mill-Poplu kull meta jxekkel sejħiet leġittimi għall- ġustizzja,” qalet l-istqarrija mibgħuta mill-attivisti. “Fl-ossessjoni tiegħu li joħnoq is-sejħa leġittima għal ġustizzja, Bonniċi spiċċa biex ħoloq labirint ta’ Minotawru.”

Komplew jisħqu li “bl-iskuża banali ta’ restawr,” il-Ministru qiegħed iċaħħad lill-Poplu milli jkollu aċċess għal Monument Nazzjonali ta’ importanza ewlenija.

“Filwaqt li ħabbar li x-xogħlijiet ta’ restawr ser ikunu lesti għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied, il-Ministru informa lill-Poplu li minn dak il-mument ’il quddiem l-attivisti mhux ser jitħallew ipoġġu aktar fjuri u xemgħat f’dan il-post, bħal li kieku huwa fil-poter tiegħu li jagħti u jneħħi tali dritt. Il-Ministru donnu għandu bżonn jirrevedi n-noti li kien ħa l-Universita’ dwar id-drittijiet inaljenabbli tal-Bniedem,” tisħaq l-istqarrija.

L-attivisti temmew jgħidu li dan “ikun aċċettabbli fir-Russsja ta’ Putin u fil-Korea ta’ Fuq u mhux fi Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropeaa. Il-Gvern Malti qiegħed jirrikorri għal tattiċi faxxisti minħabba li l-verita’ tweġġa’,” saħqu l-attivisti.

More in Politika