Chris Said jakkuża lill-Gvern 'b'cover-up' u jgħid li għandu l-provi

Skont Chris Said persuna mietet għax ma twasslitx fil-ħin minn Għawdex għal Malta

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said ippreżenta fil-Parlament żewġ dokumenti li fi kliemu juru iswed fuq l-abjad li fl-24 ta' Awwissu li għadda ma kienx hemm servizz tal-ħelikopter biex iwassal pazjent mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal Mater Dei, tant li skont l-istess Deputat il-pazjent miet għax ma ngħatax it-trattament li kellu bżonn fil-ħin.

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said kien allega li pazjent Għawdxi tilef ħajtu wara li dam ma twassal Malta fil-ħin biex jingħata kura intensiva għal attakk tal-qalb, minħabba ħsara fil-ħelikopter.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar ta’ Għawdex, Joseph Fenech, kien ċaħad l-allegazzjonijiet bil-Ministeru għas-Saħħa jippubblika paragrafu minn rapport ta’ inkjesta li saret fuq talba ta’ Chris Fearne u li jisħaq li ma kien hemm l-ebda nuqqas fis-servizz tal-ħelikopter.

Madanakollu, minkejja ‘l-isfida’ li kien għamel Chris Said, il-Ministeru baqa’ qatt ma ppubblika l-inkjesta sħiħa.

Iżda dalgħodu, fil-Parlament, Chris Said ippubblika dokumenti mediċi li juru li l-ħelikopter ma kienx qed jaħdem u għalhekk il-pazjent ma setax jitwassal Malta fil-ħin.

Kien għalhekk li Chris Said insista li l-inkjesta kienet biss ‘cover-up.

Fost oħrajn, f'dawn id-dokumenti, hemm miktub bl-idejn li l-uniku mod kif il-pazjent seta' jitwassal Malta f'qasir żmien kien bil-vapur. Ikompli jgħid li l-pazjent l-aħjar jingħata l-ewwel trattament f'Għawdex imbagħad ikun trasferit Malta l-għada filgħodu.

More in Politika