Trump jissaħħaħ fis-Senat iżda jitlef il-Kamra tar-Rappreżentanti

Id-Demokratiċi kienu ilhom tmien snin ma jirbħu l-maġġoranza f'din il-Kamra li flimkien mas-Senat tifforma l-Kungress Amerikan

Id-Demokratiċi Amerikani, jiġifieri l-partit ta’ kontra l-President Amerikan Donald Trump, rebħu l-maġġoranza tas-siġġijiet fil-Kamra ta-Rappreżentanti, hekk kif l-Amerikani ħarġu jivvutaw f’elezzjonijiet importanti li qed ikunu meqjusa bħala ‘referendum fuq il-President Trump.'

Minkejja dan, ir-Repubblikani jidhru li se jsaħħu l-maġġoranza tagħhom fis-Senat, li flimkien mal-Kamra tar-Rappreżentanti jiffurmaw il-Kungress

Id-Demokratiċi ilhom tmien snin ma jirbħu l-maġġoranza tal-Kamra tar-Rappreżentanti u dan se jfisser li se jkollhom aktar saħħa biex jimblukkaw l-aġenda u l-liġijiet proposti mill-amministrazzjoni tal-President Trump.

Mhux hekk biss. Id-Demokratiċi jistgħu wkoll jinvestigaw lill-amministrazzjoni tal-President Trump mir-ritorn fuq it-taxxa sa każijiet ta' kunflitt ta' interess potenzjali.

Bil-maġġoranza fis-Senat, Donald Trump jista' jikkonferma bi ftit li xejn oppożizzjoni l-ħatriet eżekuttivi u ġudizzjarji tiegħu

Trump ma tantx jidher li nkwieta hekk kif fuq Twitter ikkwota kommentatur jisħaq kif fl-aħħar 105 snin, kien hemm ħames drabi biss meta l-President fil-poter rebaħ aktar siġġijiet fis-Senat.

Fil-passat, kemm il-President Bill Clinton u anke l-President Barack Obama tilfu l-kontroll tal-Kamra tar-Rappreżentanti fl-ewwel sentejn tagħhom fil-White House. Minkejja dan, iż-żewġ Presidenti kienu reġgħu ġew eletti bħala President għat-tieni terminu tagħhom.

More in Politika