'L-iskart jitħallat biss meta dak organiku jinħareġ tard' - Wasteserv

Wasteserv tispjega kif qed jgħaddu żewġ vetturi tal-iskart, waħda tiġbor l-iskart organiku u l-oħra l-borża s-sewda

Il-Wasteserv saħqet li fl-ewwel tlett ijiem minn meta beda jiġi sseparat l-iskart organiku fuq skala nazzjonali nġabru madwar 440 tunnellata ta’ dan l-iskart bl-istqarrija tisħaq li ‘l biċċa l-kbira tad-djar qed jisseparaw l-iskart tagħhom.

L-istqarrija indirizzat ukoll ilmenti minn persuni li qalu li l-iskart organiku nġabar u ntefa’ fl-istess trakk ma’ skart ieħor. Madanakollu Wasteserv saħqet li l-iskart organiku nġabar ma’ skart ieħor f’dawk il-każijiet fejn il-borża nħarġet tard.

Fil-fatt spjegat li f’ċertu lokalitajiet qed jgħaddu żewġ trakkijiet, l-ewwel wieħed jiġbor l-iskart organiku u t-tieni wieħed jiġbor il-borża s-sewda . Spjegat li jekk ilbieraħ kien hemm każi fejn dawn inġabru flimkien, ġara hekk għax il-borża bl-iskart organiku nħarġet tard u l-ewwel trakk kien għadda.

“F’dan il-każi biss huwa permessibbli li jitħallat l-iskart,” tkompli l-istqarrija. “Dan l-arranġament sar bil-għan li l-pubbliku inġenerali jkun jista’ jarmi l-iskart organiku u skart ieħor li jkun iġġenera fil-weekend.”

Spjegat li b’mod ġenerali, l-iskart organiku qed jinġabar l-ewwel u l-iskart l-ieħor jinġabar wara fl-istess ġurnata. Għalhekk appellat biex il-boroż ma jintefgħux fuq xulxin bl-addoċċ iżda jkunu separati.

Apparti minn hekk, f’ċertu lokalitajiet qed jgħaddu trakkijiet li għandhom żewġ kompartamenti u għalhekk l-iskart jinġabar f’salt iżda xorta waħda jkun isseparat, bl-iskart organiku jittieħed il-Wasteserv.

L-istqarrija temmet tgħid li lesta tieħu azzjoni kontra dawk kollha involuti, inkluż dawk li jiġbru l-iskart jekk l-iskart ma jitwassalx skont ir-regoli u l-proċeduri.

More in Politika