Il-Gvern u l-Oppożizzjoni jiltaqgħu mal-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa

Il-Kummissjoni tinsab Malta fuq talba tal-Gvern biex tagħti pariri dwar tibdil Kostituzzjonali u anke tisħiħ tas-saltna tad-dritt

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni kellhom laqgħat separate mal-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa li tinsab Malta biex biex tagħti pariri dwar tibdil Kostituzzjonali u anke tisħiħ tas-saltna tad-dritt.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista fakkar li l-Kummissjoni tinsab Malta fuq talba tal-Gvern, bil-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista, Byron Camilleri u d-Deputat Edward Zammit Lewis jispjegaw lill-membri riformi li għamel il-gvern u li permezz tagħhom issaħħu d-demokrazija u l-governanza f’pajjiżna. 

Fost oħrajn issemmiet ir-riforma li tat awtonomija lill-Parlament, il-ħatra ta’ Kummissarj għall-Istandards Parlamentari u saħansitra l-kumitat għall-iskrutinju ta’ ħatriet pubbliċi.

“Ilkoll bidliet li għalkemm il-pajjiż kien ilu jitkellem dwarhom saru biss wara l-ħatra ta’ Gvern Laburista,” qal Zammit Lewis.

Intant, fil-laqgħa mal-Kummissjoni, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Carm Mifsud Bonnici spjega li kienu Gvernijiet Nazzjonalisti li waqqfu l-istituzzjonijiet f'Malta u matul is-snin dejjem saħħew il-ħidma demokratika tagħhom.

Filwaqt li fakkar li l-Partit Nazzjonalista huwa kburi li waqqaf dawn l-istituzzjonijiet, saħaq li fil-preżent jinsabu maħkuma mill-Gvern u mhux qed jitħallew jiffunzjonaw kif suppost.

Id-delegazzjoni tal-Oppożizzjoni kienet magħmula mill-Membri Parlamentari Carm Mifsud Bonnici, Chris Said u David Stellini filwaqt li l-Venice Commission kienet magħmula minn Dr Schnutz Durr, Richard Claytin, Kaarlo Tuori, l-Prof Martin Kuijer, Dr Herdis Kjerulf Thorgsdotteir u Myron Nicolatos. 

Fi tmiem iż-żjara f'Malta, il-Kummissjoni Venezja se tkun qed tagħmel rapport li janalizza l-funzjoni tal-istituzzjonijiet f’Malta.  

More in Politika