‘Il-PN ma għandux bżonn spekulazzjoni…il-kap huwa Adrian Delia’

Ilbieraħ Saviour Balzan kiteb li għall-ġid tal-pajjiż Delia għandu jitlaq u minfloku għandu jilħaq Claudio Grech

Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech saħaq li l-aħħar ħaġa li għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista huwa spekulazzjoni dwar it-tmexxija tiegħu.

Kien għalhekk li insista li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa Adrian Delia, li fi kliemu “ġie elett fl-aktar elezzjoni miftuħa u rappreżentattiva fl-istorja tal-partiti politiċi f’pajjiżna.”

Insista li d-dmir ta’ kull Deputat huwa li jkun parti integrali mill-ħidma politika tal-Partit.

Huwa qal dan fid-dawl tal-opinjoni tal-Editur Maniġerjali ta’ MediaToday, Saviour Balzan, li insista li dan huwa ż-żmien biex Adrian Delia jitlaq, għall-ġid tal-PN u tal-pajjiż u saħaq li Claudio Grech huwa s-suċċessur ideali.

Madanakollu, Grech saħaq li d-deċiżjoni tiegħu dwar dan ħadha ftit aktar minn sena ilu.

“Il-prijorità tiegħi f’din il-leġiżlatura hija li nservi ta’ vuċi għall-kostitwenza tiegħi u li, bħala Deputat, nikkontribwixxi biex il-PN isaħħaħ il-qafas tal-politika tiegħu u jevolvi fi gvern alternattiv; għan li m’għandix dubbju li nistgħu nilħqu biss jekk naħdmu flimkien,” kiteb Grech. Insista li kull Kap tal-PN li ħadem miegħu jista’ jafferma li dejjem ta l-kontribut kollu lejn dan il-għan.

“Bi ħsiebni nibqa’ nagħmel l-istess bis-serenità kollha, sa l-aħħar jum li nagħmel fil-politika,” temm jgħid Grech.

More in Politika