Fi ftit sigħat il-President Trump jiffaċċja l-ewwel ġudizzju tal-Amerikani

L-Amerikani se jkunu qed jivvutaw f'elezzjonijiet importanti li jistgħu jsaħħu jew jheddu s-saħħa tal-President

Ritratt | Politico
Ritratt | Politico

Il-President Amerikan Donald Trump għamel l-aħħar appell lill-votanti Amerikani biex jivvuttaw u jagħtu s-sapport tagħhom lir-Repubblikani hekk kif fi ftit sigħat oħra se jkunu qed jivvutaw f’elezzjoni importanti li qed tkun meqjusa bħala "referendum fuq il-presidenza ta' Trump."

Dawk magħrufa bħala mid-term elections huma importanti ħafna hekk kif jistgħu jagħmluha faċli jew diffiċli biex Donald Trump ikun jista’ jiggverna.

F’dawn l-elezzjonijiet, l-Amerikani se jiddeċiedu min se jkun qed jimla’ l-435 siġġu fil-Kamra tar-Rappreżentanti u 35 minn 100 siġġu fis-Senat. Flimkien dawn jagħmlu dak magħruf bħala l-Kungress. Il-Kungress hija dik l-istituzzjoni li tiddeċiedi fuq il-liġijiet proposti.

Għalhekk, jekk ir-Repubblikani jżommu l-maġġoranza kemm fis-Senat u anke fil-Kamra tar-Rappreżentanti, ikun ifisser aħbarijiet sbieħ għal Trump li jkun jista’, fis-sentejn li ġejjin, ikompli jimbotta l-aġenda tiegħu.

Madanakollu, jekk id-Demokratiċi jkollhom kontroll ta’ mqar ta' waħda miż-żewġt ikmamar, ikun ifisser li jistgħu jimblukkaw jew saħansitra jirrevokaw deċiżjonijiet li ħa Trump fl-aħħar sentejn.

‘Dak kollu li ksibna fl-aħħar sentejn jinsab f’idejkom,” qal Trump lill-partitarji tiegħu.

Il-President Emeritu Barack Obama kien ukoll il-wiċċ tal-kampanja tad-Demokratiċi fejn dar stat stat jisħaq lill-poplu biex joħroġ jivvota.

“Din tista’ tkun l-aktar elezzjoni importanti li se nivvutaw għaliha,” tenna kemm-il darba Obama.

It-turnout għal dawn l-elezzjonijiet mistenni jkun wieħed qawwi.

More in Politika