Delia jisħaq li jekk il-PN ikun fil-Gvern jibni t-trakka għad-dilettanti tal-motorsport

Delia ltaqa' ma’ delegazzjoni mill-Malta Motorsport Federation

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li l-Gvern mhux qed jipprovdi biżżejjed finanzjament għall-motorsport waqt li saħaq li t-trakka għandha sservi bħala opportunità biex id-dilettanti tal-motorsport jipprattikaw l-isport favorit tagħhom.

Huwa qal dan waqt laqgħa li kellu llum ma’ delegazzjoni mill-Malta Motorsport Federation.

“Il-Partit Nazzjonalista jagħti importanza kbira lill-isport u jemmen li s-settur sportiv f'pajjiżna għandu jingħata l-importanza li jistħoqqlu. Dan jgħodd ukoll għall-motorsport li huwa sport li qiegħed dejjem jikber. Sfortunatament fil-budget il-Gvern naqas li jagħti l-importanza li jixraq lill-isport", saħaq Delia.

Fakkar li l-Gvern ilu s-snin jwiegħed li se jibni trakka għad-dilettanti tal-motorsport, iżda insista li f'dan il-budget, dwar it-trakka, reġa' ma kien hemm xejn. Madanakollu, ftit tal-jiem ilu waqt programm fuq l-Istazzjon Nazzjonali, il-Prim Ministru qal li l-Gvern wasal biex jidentifika l-post fejn se tinbena t-trakka.

Adrian Delia insista li l-Partit Nazzjonalista qed jagħti s-sapport lill-Federazzjoni għall-bini ta' trakka għall-motorsport, u dak li l-Gvern ilu jwiegħed irid iwettqu.

Matul din il-laqgħa, d-delegazzjoni tal-Malta Motosport Federation kienet immexxija mill-President tal-Federazzjoni Toni Cini.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Ryan Callus.

More in Politika