Sħubija ma’ unjin. Awtomatika jew l-għażla tiegħek?

Il-PM indika li għandha ssir diskussjoni biex kull ħaddiem isir, awtomatikament, membru ta’ unjin. Imma għaliex? U jaqbillek? Lukandiera, trejd unjonisti, intraprenditur, sid ta’ fabbrika u negozjant iwieġbu....

Din il-ġimgħa l-Prim Ministru Joseph Muscat indika li se tibda diskussjoni dwar sħubija fi trejd unjin u jekk għandhiex issir liġi li kull ħaddiem, awtomatikament jissieħeb ma’ unjin malli jidħol fid-dinja tax-xogħol. Dan ikun ifisser li kuntrarjament għal dak li jiġri bħalissa ma tibqax l-għażla tal-ħaddiem li jissieħeb f’unjin imma ssir xi ħaġa awtomatika li ma tistax tiddeċiedi fuqha, għalkemm tibqa’ fil-libertà li tagħżel ma’ liema unjin trid illi tissieħeb.

Imma dan sew? Mhux il-persuna għandha tiddeċiedi? U wara kollox, il-unjins għadhom relevanti?

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ persuni differenti biex tara x’jaħsbu fuq dan u jekk jaħsbux li din l-idea hijiex waħda pożittiva jew le.

Ivin Catania
Ivin Catania

‘Is-solidarjetà ma’ sħabek tax-xogħol għandha tkun dejjem’ – eks Editur tal-gazzetta ‘It-Torċa’ u PR tal-GWU

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Ivin Catania, eks Editur tal-gazzetta ‘It-Torċa’ u llum uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-General Workers Union (GWU) x’jaħseb. Catania beda billi ta numru ta’ eżempji ta’ kumpaniji. “Mela jkollok kumpanija b’100 ħaddiem, minn dawn 60 huma membri tal-unjin u li allura se jkunu parti mid-diskussjonijiet u se jħallsu s-sħubija. L-40 ħaddiem l-ieħor, li mhumiex membri, mhux se jħallsu miżati u lanqas se jkunu parti mill-isforzi għal titjib fil-pagi, imma xorta se jkunu qed jieħdu ż-żidiet u l-benefiċċji li jagħti ftehim kollettiv ġdid.

Dawn huma dawk li nsibuhom bħala ‘Freeriders’ li jżommu lura milli jikkontribwixxu u anke milli jieħdu sehem attiv fil-ħajja trejd unjonistika. B’dispjaċir ninnota li ħafna minn dawn il-ħaddiema ma jidħlux f’unjin għaliex iħossu li qed jinqdew xorta. Biss meta jkollhom każ fuq il-post tax-xogħol tarahom ġejjin jidħlu membri biex jibbenefikaw mis-solidarjetà ta’ sħabhom. Nemmen li tiġbed ħabel wieħed u li tkun spalla ma’ spalla ma’ sħabek fuq il-post tax-xogħol, għandha tkun ta’ dejjem u mhux biss meta jaf ikollok bżonn lil xi ħadd jgħinek.” Dan il-punt fil-fatt tqajjem ukoll minn Philip Fenech mill-GRTU (ara kaxxa separata).

Semma wkoll kumpaniji żgħar illi fihom ħaddiema forsi jsibuha aktar diffiċli li jsiru membri ta’ trejd unjin, jew addirittura jkollok impjegaturi li b’mod verbali jwissuhom – ġieli anke qabel ma jimpjegawhom – li huma ma jridux li jkollhom unjin fuq il-post tax-xogħol u li jekk jissieħbu ma’ unjin itemmulhom l-impjieg. Xi ħaġa li fil-liġi hija ċara daqs il-kristall li ma tistax issir. Semma wkoll il-ħaddiema barranin; “Meta  ħaddiem barrani jidħol f’kumpanija fejn ikun hemm ftehim kollettiv, hemmhekk ma jkunx hemm problemi. Imma meta jidħol f’kumpanija fejn m’hemmx jista’ jkun hemm każi ta’ diskriminazzjoni,” sostna Catania illi fakkar ukoll f’direttiva Ewropea li se tidħol fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea sentejn oħra.

Din se tesiġi li meta ħaddiem minn barra, li huwa fl-UE, ikollu kuntratt ta’ impjieg ma’ kumpanija f’pajjiżu li permezz tiegħu jintbagħat fuq xogħol f’pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea dan għandu jingħata l-paga u l-kundizzjonijiet kollha tax-xogħol ta’ dak il-pajjiż jekk dawn ikunu aħjar minn tal-pajjiż fejn jgħix. 

Fi kliem ieħor jekk Rumen jiġi jaħdem Malta wara li l-kumpanija li magħha huwa impjegat f’pajjiżu tirbaħ kuntratt f’Malta huwa se jibbenefika mill-pagi u l-kundizzjonijiet kollha tax-xogħol, u dawk stipulati fi ftehimi kollettivi, f’pajjiżna jekk kemm-il darba dawn huma aħjar minn dawk li hu jgawdi f’pajjiżu.

Din id-direttiva għaldaqstant se twaqqaf dak li hu magħruf bħala social dumping fejn jinġiebu gruppi ta’ ħaddiema barranin minn pajjiżi b’kundizzjonijiet baxxi biex ikunu ffrankati l-ispejjeż. Kburi ngħid li l-GWU kienet waħda mill-unjins Ewropej li fi ħdan l-ETUC (Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions) ħadmet biex jitressqu l-emendi meħtieġa għad-direttiva tal-Ippustjar ta’ Ħaddiema bejn il-pajjiżi tal-UE.”

L-ILLUM tistaqsih jekk jaħsibx imma li din il-miżura hix fattibbli. “Tkun fattibbli, skont kemm naħdmu u nagħmluha aħna. L-Awstrija, pereżempju, għandhom sistema simili. Tajjeb jingħad li fil-preżent għandna kompetizzjoni inġusta bejn kumpaniji li għandhom il-ħaddiema msieħba f’unjin u jsegwu dak li hu stipulat fil-liġi tax-xogħol, u oħrajn li ma jħallux lill-ħaddiema tagħhom jidħlu f’unjin, u jħaddmu bil-prekarjat billi ma jagħtuhomx il-kundizzjonijiet kif stipulati fil-liġi u b’hekk jikkompetu bi prezz irħis. ”

Catania qal illi wieħed irid jara wkoll kif dan il-kunċett se jintrabat mal-kostituzzjoni ta’ pajjiżna li tagħti lil persuna d-dritt tal-assoċjazzjoni (jiġifieri d-dritt ukoll li ma tassoċjax ruħek ma’ għaqda, partit, unjin eċt...)

Finalment Catania huwa mistoqsi dwar il-possibilità ta’ ‘In house’ unjins, immexxija mill-istess ħaddiema u kkontrollata mis-sid tal-kumpanija: “Dan huwa riskju li rridu naħdmu biex ma jseħħx. Iżda li bdejna niddiskutu l-possibilità li kull ħaddiem għandu jkun membru ta’ trejd unjin tal-għażla tiegħu diġà huwa pass importanti.”

 L-eks Editur jgħid illi impjegaturi li jinsistu li l-ħaddiema tagħhom m’għandhomx jissieħbu f’unjin ikollhom ‘skopijiet ulterjuri.’ “Li jkollok unjin fuq il-post tax-xogħol għandu jkun kunsidrat bħala vantaġġ u mhux xkiel. Dan jistgħu jixhduh kumpaniji kbar f’pajjiżna li matul iż-żmien kabru l-operat tagħhom u żiedu l-investiment, minkejja li kellhom unjin fuq il-post tax-xogħol,” qal Catania.

Angela Attard Fenech
Angela Attard Fenech

‘Ħadd m’għandu jobbligak tissieħeb’ – Lukandiera

Angela Attard Fenech hija lukandiera u responsabbli ta’ żewġ lukandi ewlenin, waħda f’San Ġiljan u oħra fil-Qawra. Mal-ILLUM Attard Fenech tinsisti illi assolutament ħadd m’għandu jkun imġiegħel jagħmel xejn. “Min irid jissieħeb ma’ unjin għandu jissieħeb, l-impjegatur m’għandu qatt jagħmel ħajjet il-ħaddiem diffiċli għax jissieħeb f’unjin u bl-istess mod ħadd m’għandu jobbliga persuna ssir membru ta’ unjin.”

Hija qalet illi ħafna mill-impjegati tal-lukandi li tmexxi fil-fatt huma msieħba f’unjin u hi ma ssib ebda problema.

Philip Fenech
Philip Fenech

‘Waħdek bla saħħa’ – Intraprenditur u President tal-GRTU

Philip Fenech huwa intraprenditur kif ukoll il-President tas-sezzjoni tal-GRTU għas-setturi tat-turiżmu, l-ospitalità u d-Divertiment. Fenech sostna li l-Gvern jaqbillu illi jitkellem ma’ organizzazzjoni milli ma’ individwi. “Ġeneralment dak li tħoss persuna waħda qed iħossuha persuni oħrajn fuq il-post tax-xogħol u allura l-unjin jew aħna qed nifhmu l-problema u din qed inwassluha bl-aħjar mod lill-Gvern.”

Imma ħaddiem jew negozjant m’għandux ikun liberu li jagħżel jekk jisseħibx ma’ unjin? Tistaqsi din il-gazzetta. “Imma waħdek inti bla saħħa. Dan apparti li inti għandek min qed jiġi għal-laqgħat u qed jipparteċipa għall-bidliet, filwaqt li ħaddieħor mhu qed jagħmel xejn u qed igawdi l-benefiċċji wkoll,” sostna Fenech.

Huwa jinsisti li miżura bħal din, għalkemm il-Prim Ministru fil-fatt ma speċifikax, hija aktar għal kumpaniji kbar b’menatlità aktar korporattiva mhux għal dawk in-negozji żgħar fejn teżisti ħafna iktar il-familjarità.

Henry Battistino
Henry Battistino

‘Il-vera kwistjoni hija l-paga’ – Sid ta’ fabbrika

Henry Battistino huwa sid ta’ fabbrika żgħira fil-Marsa. Din il-gazzetta tistaqsih x’jaħseb dwar il-proposta ta’ sħubija f’unjin.

Bħal dak li jgħid Philip Fenech mal-ILLUM, Battistino jinsisti li din il-miżura hija iktar għal kumpaniji kbar u mhux dawk żgħar bħal dawk li jmexxi hu.

“Ejja ma naħarbux mill-vera kwistjoni hawnhekk. Il-vera kwistjoni hija l-paga u kif din se tiżdied biex tilħaq il-medja Ewropea,” sostna Battistino.

Gejtu Vella
Gejtu Vella

‘Naħseb inkunu qed niksru d-drittijiet tal-individwu’ – eks trejd unjonista

L-eks Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) Gejtu Vella qal illi dan id-dibattitu ilu jqum minn żmien għal żmien. Vella qal illi l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) tgħid ċar illi sħubija ma’ unjin għandha tkun l-għażla tal-ħaddiem u għandha tkun għażla libera. Vella fakkar ukoll kif Malta rratifikat din il-konvenzjoni li tħalli lil kull persuna f’libertà assoluta li jiddeċiedi jekk għandux ikun membru ta’ unjin jew le.

“Naħseb illi jekk iġġiegħel lil persuna tissieħeb ma’ organizzazzjoni tkun  qed tikser id-dritt fundamentali tal-individwu ,” sostna Vella mal-ILLUM.

“Li tinkoraġġixxi lill-ħaddiem jissieħeb ma’ unjin, iva. Imma li bilfors, naħseb inkunu qed ngħaġġlu.”

L-ILLUM staqsiet lil Vella x’jaħseb dwar dawk li jgawdu, minn ftehim kollettiv, anke jekk ma jkunux membri ta’ unjin, punt li tqajjem minn Catania u Fenech (ara kaxxi separati).

Hu sostna illi xorta jibqa’ jinsisti li l-unjins għandhom jibqgħu jħarju lill-ħaddiema jissieħbu mal-unjin, billi juru kemm hi importanti l-preżenza ta’ unjin fuq il-post tax-xogħol, fis-settur u fuq bażi nazzjonali.

Vella temm jgħid illi huwa importanti li jkunu identifikati dawk l-impjegaturi u s-sidien li jagħmluha diffiċli li ħaddiem isir membru ta’ unjin u jittieħdu miżuri fil-konfront tagħhom.

Reginald Fava
Reginald Fava

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ Reginald Fava, sid ta’ katina ta’ ħwienet tal-farmaċija.

“Nemmen ħafna fil-libertà tal-individwu u allura l-impożizzjoni jiena kontriha,” sostna Fava filwaqt li qal ukoll illi fil-fatt miżura ta’ din it-tip hija diżinċentiv. “Ladarba l-unjin se tkun ċerta li se jkollha membri ġodda l-inċentiv biex titjieb se jonqos, mhux se jkollha dak l-interess li taħdem tant għax tkun taf li dejjem se jkollha membri.”

“Għalhekk jiena naqbel,” ikkonkluda Fava, “li kulħadd għandu jkun liberu jiddeċiedi hu.”

More in Politika