Il-Prim Ministru Joseph Muscat jingħata premju ta' eċċellenza minn Forum Indjana-Ewropea

'Ir-riżultati li kiseb pajjiżna fl-ekonomija ma seħħewx b’kumbinazzjoni iżda seħħew għax kien hemm pjan u viżjoni ċara' - Joseph Muscat

Il-PM Joseph Muscat u ħdejh Joseph Zammit Tabona
Il-PM Joseph Muscat u ħdejh Joseph Zammit Tabona

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ingħata l-premju ta’ eċċellenza mill-Business Forum Indjana-Ewropea għar-riżultati miksuba minn pajjiżna fil-qasam ekonomiku u bħala rikonoxximent tal-ħidma għar-relazzjonijiet u investiment bejn Malta, l-Indja, l-Ewropa u r-Renju Unit. Dan sar waqt okkażjoni fil-House of Lords, fil-Bini tal-Parlament Ingliż f’Westminster, Londra.

Fid-diskors tiegħu, Muscat qal li r-riżultati li kiseb pajjiżna fl-ekonomija ma seħħewx b’kumbinazzjoni iżda seħħew għax kien hemm pjan u viżjoni ċara. Il-Prim Ministru spjega kif minkejja li pajjiżna naqqas it-taxxi sena wara sena, minkejja li ta żieda fil-pensjonijiet għar-raba’ darba konsekuttiva, minkejja li żied iċ-children’s allowance għall-ewwel darba wara numru ta’ snin, pajjiżna xorta waħda rnexxilu jirreġistra surplus.

Joseph Muscat semma’ wkoll kif f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dejn, pajjiżna biddel ir-rotta u minn dejn li kien ilaħħaq it-72% tal-Prodott Gross Domestiku, illum il-persentaġġ niżel għal 43% f’inqas minn seba’ snin. 

Muscat semma wkoll il-qasam tax-xogħol u stqarr li llum f’Malta hemm prattikament full-employment.

Fl-aħħar nett, il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega x-xogħol li wettaq u li qed iwettaq pajjiżna fil-qasam tal-blockchain, filwaqt li stqarr li issa l-attenzjoni tal-pajjiż se tkun qed iddur għall-Intelliġenza Artifiċjali.

Għal din is-serata kienu preżenti imprendituri ewlenin Indjani, bosta minnhom ibbażati fir-Renju Unit, u li numru minnhom bdew jinvestu f’pajjiżna jew li għaddejjin f’taħdidiet biex ikollhom preżenza f’pajjiżna wara li r-Renju Unit iħalli l-Unjoni Ewropea.

Fost il-membri tal-House of Lords preżenti kien hemm il-Ministru għall-Iżvilupp Internazzjonali Michael Bates, Baroness Sandip Verma, Lord Karan Bilimoria, u Lord Raj Loomba.

Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, il-Kummissarju Għoli għar-Renju Unit Joseph Cole, iċ-Chairman tal-Brexit Taskforce Joseph Zammit Tabona, il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri, iċ-Chief of Staff Keith Schembri, u l-Kap tal-Kommunikazzjoni Kurt Farrugia.

More in Politika