L-Air Malta b'disa' destinazzjonijiet ġodda din ix-Xitwa

Il-Linja Nazzjonali tal-ajru tħabbar illi se tkompli għaddejja bit-titjiriet popolari, primarjament lejn Lisbona, Cagliari, Malaga, Casablanca, u Kiev

L-Air Malta għandha l-għan li tkompli tkabbar n-numri rekord ta’ tkabbir fil-passiġġieri fl-istaġun li ġej, bl-iskeda ta’ titjiriet għal din ix-Xitwa, li bdiet din il-ġimgħa.

Fl-isfond taż-żieda fit-traffiku tal-passiġġieri mingħajr preċedent matul ix-xhur tas-sajf, l-istrateġija tal-linja tal-ajru għandha fokus ġdid għal din ix-xitwa, b’27 destinazzjoni skedati, żieda ta’ disa’ destinazzjonijiet fuq is-sena li għaddiet.

Ir-riżultat huwa żieda ta’ 40 fil-mija fis-seats fuq għażla ta’ 300 titjira fil-ġimgħa.

Fi stqarrija l-Air Malta qalet illi hija impenjata biex tkompli tkabbar it-turiżmu lejn u mill-pajjiż speċjalment matul il-perjodi ta’ qabel u wara s-sajf u matul il-perjodi taxxitwa. "Il-kumpanija għandha l-għan li toffri għażla diversa ta’ ajruporti u ‘hubs’ ewlenin fil-bliet u livell għoli ta’ frekwenzi lejn u minn Malta, b’hekk tagħti lill-passiġġieri l-aħjar għażla u valur għall-flus kif ukoll għażla ta’ konnessjonijiet lejn ajruporti m’hux servuti b’titjiriet diretti. Bosta mir-rotot ġodda li ġew imnedjia fl-aħħar 12-il xahar kienu ta’ suċċess kbir u ser jinżammu sussegwentement, inkluż Lisbona, Cagliari, Malaga, Casablanca, u Kiev."

It-titjiriet bejn Catania u Vjenna u bejn Catania u Londra Southend wkoll ser jinżammu. Sadanittant, is-suq Ġermanż, li għal bosta snin kien ċentrali kemm għassuċċess tal-linja tal-ajru kif ukoll għat-turiżmu tal-pajjiż, ser jingħata attenzjoni mġedda.

More in Politika