Sant irid li l-Kummissjoni Ewropea tinvestiga r-regoli tar-Ryanair dwar il-bagalji

Il-linja tal-ajru kienet ħabbret li l-passiġġiera se jibdew jintalbu jħallsu bejn €6 u €10 jekk magħhom ikollhom bagalja żgħira ta’ 10 kilogrammi

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant talab lill-Kummissjoni Ewroepa biex tinvestiga r-regoli l-ġodda dwar il-bagalji li daħlet fis-seħħ il-Linja tal-Ajru Ryanair.

Sant staqsa lill-Kummissjoni Ewroepa jekk għandhiex pjanijiet biex issegwi l-investigazzjoni li bħalissa qed twettaw l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Taljana u anke staqiha jekk għandhiex pjanijiet li twettaq investigazzjonijiet simili fuq trasportaturi oħra li għandhom prezzijiet simili

L-Awtorità Taljana tal-Kompetizzjoni fetħet investigazzjoni fuq ir-regoli tar-Ryanair li jżommu l-flus lil passiġġieri li jġorru hand luggage.

Il-linja tal-ajru kienet ħabbret li l-passiġġiera se jibdew jintalbu jħallsu bejn €6 u €10 jekk magħhom ikollhom bagalja żgħira ta’ 10 kilogrammi, li sa ftit xhur ilu kienet b'xejn.

Fil-fatt, fuq l-ajruplan, il-passiġġera se jkunu jistgħu jtellgħu biss “basket żgħir” li jista’ jitpoġġa taħt is-seat ta’ quddiemhom.

Iżda jekk ikunu se jsiefru b’bagalja ta’ 10 kilogrammi, il-passiġġiera se jintalbu jħallsu bejn €6 u €8 jekk jagħżlu li jtellgħu l-bagalja magħhom u jpoġġuha fil-kompartamenti, jew inkella bejn €8 u €10 jekk jagħżlu li jibagħtuha mal-bagalji.

L-Awtorità tal-Kompetizzjoni Taljana saħqet li dawn il-bagalji elementi essenzjali għat-trasport u li għalhekk, Ryanair u linji oħra, għandhom jinkludu l-prezz sħiħ tal-ispejjeż.

L-istess Awtorità qed takkuża lir-Ryanair bi prattiċi kummerċjali inġusti skontha "din il-prattika titfa’ ċ-ċpar fuq il-prezz finali tal-biljett, u ma tħallix lok għal paragun korrett mal-prezzijiet tal-linji tal-ajru l-oħra."

More in Politika