Is-Sindku tal-Belt irid reviżjoni tas-sistema tas-CVA

Kemm hemm parkeġġi riservati għar-residenti Beltin? Żdiedu jew naqsu fl-aħħar snin?  Transport Malta kemm iddaħħal min din is-sistema? Qed taħdem? L-ILLUM tistaqsi…

Il-parkeġġ huwa wieħed mill-akbar uġigħ ta’ ras għal diversi residenti f’għadd ta’ lokalitajiet f’Malta u Għawdex. Ma għandnix xi ngħidu, il-Belt Valletta hija waħda minn dawn il-lokalitajiet, anke jekk diversi parkeġġi huma riservati għar-residenti.

Minn ċifri li kisbet din il-gazzetta, jirriżulta li fil-Belt Valletta hemm 424 parkeġġ aħdar, jiġifieri riservati esklussivament għar-residenti, 394 parkeġġ blu, riservati għar-resident bejn is-7:00pm u 7:00am u 873 parkeġġ abjad, li fihom jista’ jipparkja kulħadd, il-ħin kollu.

Dawn in-numri nbiddlu ftit mhux ħażin fl-aħħar snin. Fl-2013, kien hemm 274 parkeġġ aħdar, 532 parkeġġ blu, u 982 parkeġġ abjad.

Anke jekk f’ħames snin, żdiedu 150 parkeġġi rriservati esklussivament għar-residenti, wieħed ma jistax ma jsemmix li dawk blu, riservati għar-residenti fil-ħinijiet li l-aktar ikollhom bżonnhom, naqsu b’138 parkeġġ.

Dan ifisser, li f’ħames snin żdiedu biss 12-il parkeġġ riservati għar-residenti. Mill-banda l-oħra, naqsu wkoll 109 parkeġġ abjad.

Kieku wieħed kellu jgħodd it-totali tal-parkeġġi, kif ikkalkulati fl-2013 u dawk li hemm bħalissa, jirriżulta li l-parkeġġ naqas b’97 post, għax jekk ħames snin ilu kien hemm 1,788 parkeġġ, dan naqas għal 1,691.

‘Ir-residenti għadhom qed jilmentaw fuq il-parkeġġ’

Din il-gazzetta tkellmet mas-Sindku tal-Belt Valletta, il-Professur, Alexiei Dingli li bla tlaqliq saħaq li mhu kuntent b’xejn bis-sitwazzjoni u li s-sistema tas-CVA għandha tiġi riveduta.

Fil-fatt qal li s-sena li għaddiet il-Kunsill Lokali kien ippropona li jsir studju biex tinstab l-aħjar sistema biex titħaddem is-CVA (Controlled Vehicular Access). Minkejja li l-Gvern u anke l-Kamra tal-Kummerċ kienu favuriha, sal-lum baqa’ ma sar xejn dwarha.

Fi kliemu, ir-residenti għadhom qed jilmentaw ħafna mal-Kunsill Lokali dwar il-problema tal-parkeġġ aktar u aktar meta fil-Belt ikun hemm attività kbira, għax il-pressjoni tiżdied ħafna.

Residenti li tkellmu ma’ din il-gazzetta saħqu li l-parkeġġ kull ma jmur qiegħed isir dejjem iżjed diffiċli, b’mod partikolari fi tmiem il-ġimgħa. Fi kliemhom, il-Maltin ma għadhomx jidħlu l-Belt biss għal xi attività, bħalma kienu jagħmlu għaxar snin ilu, iżda matul is-sena kollha.

“Il-Belt miżgħuda barijiet u ristoranti. Strada Stretta dejjem qed issir aktar popolari. Min irid iqatta’ lejla kwieta, qed jagħżel il-Belt. Sinjal tajjeb, iżda jfisser ukoll inqas parkeġġ għar-residenti,” qalilna wieħed mill-qarrejja Beltin.

Is-sistema tas-CVA għal Belt daħlet fis-sħħ fl-1 ta’ Mejju 2007 bil-għan li tnaqqas it-traffiku fil-Belt Valletta, ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti billi fost oħrajn ittejjeb l-ambjent li jgħixu fih.

L-objettiv kien li dan jagħmel il-Belt Valletta isbaħ f’għajnejn il-viżitatur u għalhekk tmur minn fuq ukoll l-attività kummerċjali.

Kemm hu d-dħul minn din is-sistema?

Qabel din is-sistema, biex wieħed jidħol u jipparkja l-Belt kien iħallas liċenzja apposta (V licence). Madanakollu issa kulħadd jista’ jidħol il-Belt Valletta u jipparkja (fuq il-parkeġġi l-bojod jew il-blu skont il-ħin).

Jekk persuna tidħol il-Belt u tipparkja għal aktar min-nofsiegħa qabel is-2pm ta’ waranofsinhar tħallas tariffa. Is-Sibtijiet, il-Ħdud u fil-Festi Pubbliċi is-sewwieqa jistgħu jidħlu u jipparkjaw tul il-ġurnata kollha mingħajr ma jħallsu xejn.

Min jidħol u jipparkja l-Belt (sakemm mhux resident), qabel is-2pm u għal inqas min-nofsiegħa ma jħallasx it-tariffa. Min jipparkja bejn nofsiegħa u siegħa iħallas €0.82. Jekk idum ipparkjat aktar minn siegħa, iħallas €0.82 għal kull siegħa sal-massimu ta’ €6.52 kuljum.

Anke jekk din it-tariffa żgħira, id-dħul minnha mhux baxx. Minn informazzjoni li kisbet din il-gazzetta, fl-2016, Transport Malta daħlet €969,691, is-sena li għaddiet daħlet €886,662 u sa Settembru ta’ din is-sena din is-sistema kienet iġġenerat €704,706.

Dan id-dħul imur kollu għand Transport Malta iżda kull sena tħallas ukoll ‘management fee’ lill-kumpanija CVA Technology.

More in Politika