90 tunnellata ta' skart organiku miġbura fl-ewwel ġurnata tal-iskema

Il-Ministeru qal li dan l-ammont jawgura tajjeb meta kkumparat mal-medja ta' 21 tunnellata li kien qed jinġabar kuljum

Fl-ewwel ġurnata li fiha bdiet tinġabar il-borża bl-iskart organiku, nġabru madwar 90 tunnellata ta’ dan it-tip ta’ skart minn 50 lokalità.

Qal dan fi stqarrija l-Ministeru għall-Ambjent fejn saħaq li l-ammont jawgura tajjeb meta ikkumparat mal-medja ta’ 21 tunnellata ta’ skart organiku li kien jinġabar kuljum bħala parti mill-proġett pilota.

“Bħala Gvern nifhmu li din hija bidla fil-kultura u fil-mentalità tagħna, bidla importanti għall-ambjent b’impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnha u tal-komunitajiet li ngħixu fihom,” qal il-Ministru José Herrera, filwaqt li appella lill-pubbliku sabiex aktar nies ikomplu jisseparaw l-iskart

Fl-istess stqarrija, il-Ministeru qal li jifhem li l-proċess ta’ tqassim tal-kontenitur tal-iskart ħalla impatt fuq numru ta’ kunsilli lokali u saħaq li ser ikompli bid-diskussjonijiet sabiex l-impatt jiġi minimizzat kemm jista’ jkun.

Dalgħodu, l-Assocjazzjoni Kunsilli Lokali, permezz tal-President tagħha Mario Fava, uriet r-rabja tagħha għal mod ta’ kif sar il-process tat-tqassim tal-kontenituri lir-residenti.

More in Politika