Kandidat Laburista jikteb lil OLAF biex tinvestiga lil David Casa

Alex Agius Saliba jikteb lill-Aġenzija Ewropea kontra l-frodi wara l-aħħar allegazzjonijet fuq David Casa

Il-Kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew, Alex Agius Saliba kiteb lill-Aġenzija Ewropea kontra l-frodi biex jinvestiga allegazzjonijiet li saru fl-aħħar ġimgħat kontra l-Ewroparlamentari David Casa.

F’ittra mibħuta lil OLAF, il-kandidat saħaq li ċ-ċittadini Ewropej jistennew li t-taxxi li qed iħalsu ma jintużawx b’mod “abbużiv minn individwi bla skruplu.”

"Nemmen li bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropea u wisq aktar kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kien fi dmiri li nitlob din l-investigazzjoni sabiex jiġi assigurat li t-taxxi tagħna li jiffinanzjaw lill-Unjoni Ewropea jkunu użati tajjeb," kiteb il-kandidat.

Kienet il-gazzetta oħt MaltaToday li nhar il-Ħadd rrappurtat kif eks impjegat ta’ Casa kien qiegħed jitħallas aktar mill-MEP innifsu anke jekk ma kienx qed jieħu l-ammont kollu hu.

Ir-rapport jispjega li skont dokumenti li rat il-gazzetta, l-eks impjegat tħallas €101,513 fl-2009, iżda skont l-impjegat il-paga tiegħu kienet ‘imneffħa’ b’€40,000, liema ammont hu qatt ma ħadu.

Għalhekk, Agius Saliba talab lil OLAF tinvestiga jekk Casa ‘neffaħx’ spejjeż oħra bil-għan li l-uffiċċju ta’ Casa jieħu l-baġit kollu allokat għall-MEPs.

Agius Saliba kompla jgħid li l-eks impjegat ta’ Casa qal li kiteb lil OLAF direttament iżda għadu mhux magħruf jekk l-Aġenzija hux qed tinvestiga l-allegazzjonijiet.

More in Politika