'Minn pajjiż fejn il-Maltin jaħdmu għal barrani, sirna pajjiż fejn il-barrani jaħdem għall-Malti'

Il-Prim Ministru jgħid illi l-aħħar Baġit kien l-akbar pakkett finanzjarju li qatt ingħata lill-familji...

Joseph Muscat jindirizza l-Parlament ilejla
Joseph Muscat jindirizza l-Parlament ilejla

Hekk kif kien qiegħed jirreaġixxi għall-Baġit il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna illi l-Baġit 2019 ta l-akbar pakkett finanzjarju lill-familji li qatt ingħataw fl-istorja. 

"L-ekonomija qed tikber u aħna qed nagħtu aktar, għalhekk għandna middle class ġdida."

F'dan il-punt Muscat għamel elenku tal-miżuri li ħa l-Gvern fosthom kif 16,500 familja se jgawdu minn żieda fiċ-children's allowance filwaqt li 92,000 pensjonant se jgawdu minn żieda fi-pensjoni. Fakkar ukoll kif sas-sena d-dieħla l-Gvern se jkun ħallas għal kollox l-VAT żejda li tħallset fuq il-karozzi.

Muscat qal li l-ekonomija ta' Malta kibret b'40% fl-aħħar sena filwaqt li qal ukoll li Delia ma ġabx iċ-ċifri relatati mal-immigrazzjoni tajjeb. Fil-fatt huwa sostna li Delia ħa żball ta' 3,000 fiċ-ċifri dwar l-immigrazzjoni; 8,000 minflok 11,000 li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni. Muscat qal li hu mhux qed jikkwota dokument jew statistika tal-Gvern, imma minn dokument tal-Partit Nazzjonalista stess, għat-tisbit ta' approvazzjoni tal-Gvern u ftit li xejn reazzjoni mill-bankijiet tal-oppożizzjoni. 

Il-PM Joseph Muscat
Il-PM Joseph Muscat

Muscat akkuża lil Delia illi qed jieħu lill-Partit Nazzjonalista lejn il-lemin estrem. "Din (dwar l-immigranti) hija rettorika kontra l-ideali Ewropej u kontra n-negozju." Huwa sostna li kuntrarjament, dan il-gvern huwa favur in-negozju u allura favur il-ħaddiem. "Delia  jrid li jkun hemm tkabbir imma mhux nies....ma jridx lil min jiġi Malta u jagħmel xogħol aktar umli li forsi xi Maltin ma jridux jagħmlu. Ma jridx barranin li jiġu jnaddfu t-toroq jew jgħinu lill-anzjani tagħna jew biex jaħdmu fit-toroq il-ġodda jew li jaqdu lit-turisti...u min se jagħmlu dan ix-xogħol?"

Huwa sostna illi huwa kumpliment kbir li pajjiżna tant qed joħloq ġid li minn "pajjiż fejn il-Maltin jaħdmu għall-barranin, sirna pajjiż fejn il-barranin jaħdmu għall-Maltin."

"Illum għandna l-ogħla surplus fl-istorja u l-ogħla surplus fl-Ewropa...reġġajna lura l-piż kollu. Id-dejn ħallasnieh aħna, mhux uliedna u ulied, uliedna kif kien hemm min qal," sostna Muscat f'referenza għal diskors li kien sar mill-eks Ministru tal-Finanzi Nazzjonalist u l-mibki George Bonello Du Puis. 

Muscat qal li għall-ewwel darba qed inħallsu d-dejn bħala pajjiż u li "sal-aħħar tas-sena se nkunu ħallasna €210 miljun mid-dejn li ħallielna ħaddieħor."

Dwar l-għoli tal-ħajja fakkar kif il-Gvern raħħas l-uniformijiet, neħħa l-ħlas fuq l-eżamijiet, raħħasna tariffi tal-ippjanar, trasport pubbliku b'xejn, u raħħas 230 mediċina..."aħna ftehmna iżda wkoll biex bil-ftehim dwar il-paga minima kull ħaddiem li mhuwiex kopert bi ftehim kollettiv, se jieħu €1 aktar...imma aħna żidna l-paga minima għall-ewwel darba u żammejna din il-paga 'tax free'. Il-punt storiku huwa li lħaqna ftehim illi permezz tagħha persuna se tieħu €3 żieda apparti l-kumpens għall-għoli tal-ħajja," sostna Muscat. 

Interessanti kif Muscat staqsa jekk wasalx id-dritt li s-sħubija ma' unjin tkun obbligatorja għal kull ħaddiem, proposta li għamilha s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers' Union Josef Bugeja. 

Huwa ħabbar illi kumpanija tat-teknoloġija se tkun qed tiftaħ f'Għawdex.

Muscat qal ukoll li d-dħul tal-Gvern żdied, mhux għax żdiedu t-taxxi imma għax żdied id-dħul. Huwa sostna illi Delia kien l-unika persuna li ddieħak bil-White Paper dwar il-kirjiet privati u fakkar illi Partit Laburista kien poġġa ma' Gvern Nazzjonalista biex jikkontribwixxi għall-bidla fl-2009 meta saru bidliet fil-kirjiet privati. 

"Tiġu tikkritikaw lilna? Ħallejtu 17-il appartament biss ta' housing soċjali. Tiġu tikkritikaw lilna!" sostna Muscat li fakkar fil-madwar 1,000 unit ta' housing soċjali mwegħdin mill-Gvern. 

Muscat għamel elenku sħiħ tal-miżuri li l-Gvern ħa jew inkella li għadhom qed ikunu attwati, fosthom ir-riċiklar mid-djar, miżuri lill-familji u l-proġetti relatati mal-isport. 

"Aħna nafu fejn qegħdin u n-nies jafu fejn qegħdin magħna...aħna ma niddejqux ngħidu li rridu pajjiż kożmopolitan.," qal Muscat biex ikkonkluda jfakkar illi dan il-Gvern huwa kburi bil-kisbiet li qed jagħmel 

More in Politika