Debono jiddefendi l-intervista ma' Liam fuq Xarabank; Il-Maġistrat Mifsud iwaqqafha

Dan wara rikors mill-avukati ta' Simon Schembri biex l-intervista ma tixxandarx

Il-Maġistrat Joe Mifsud ordna lid-diriġenti tal-programm Xarabank biex illejla ma jxandrux l-intervista ma' Liam Debono, iż-żagħżugħ ta' 17-il sena li qed ikun akkużat bl-attentat tal-qtil ta' Simon Schembri.

Mifsud ħa din id-deċiżjoni hekk kif l-avukati ta' Schembri, Andy Ellul u Arthur Azzopardi, resqu protest ġudizzjarju biex l-intervista ma tixxandarx u saħqu li ż-żewġ naħat fil-każ jingħataw l-istess spazju waqt li talbu biex il-filmat, mhux editjat, ikun ippreżentat fil-Qorti bħala evidenza.

Fil-fatt, l-avukati saħqu li intervista rrekordjata ġeneralment tkun immuntata u għalhekk faċilment tista' ssellef milli ssir ġustizzja għax dawk li 'l quddiem jistgħu jkunu ġurati se jkunu influwenzati.

Il-Maġistrat kompla jgħid li l-Qorti ma taqbilx li programm televiżiv jintwera qabel l-evidenza tkun ippreżentata. "Mhux sew li jsir ġuri mill-midja dwar każ ta' attentat umiċidju."

Franco Debono jiddefendi l-intervista

Intant, mas-sit illum.com.mt, l-Avukat Franco Debono ddefenda l-intervista mal-klijent tiegħu Liam Debono.

Huwa qal li l-uniku kumment li jista' jagħti huwa li sa dak il-ħin ma kienx infurmat bir-rikors u wisq anqas jekk kienx hemm decizjoni jew le "pero  l-uniku kumment li nista’ naghti  huwa li din il-ġimgħa stess, Simon Schembri kien mistieden waqt programm fuq l-Istazzjon Nazzjonali."

L-avukati ta' Liam Debono kienu fetħu wkoll Protest Ġudizzjarju li fih qed jgħidu illi l-preżenża tal-President Marie Louise Coleiro Preca fil-mixja favur il-Pulizija, ftit jiem wara l-inċident li kien jinvolvi lil Debono u lill-Kunstistabbli Simon Schembri, seta' kiser id-dritt tal-akkużat għal smigħ xieraq. 

More in Politika