Il-Parlament Ewropew jakkuża lil Facebook li kiser il-liġi tal-Unjoni Ewropea

L-MEPs jisħqu dwar l-urġenza li jiġu miġġielda t-tentattivi biex jiġu mmanipulati l-elezzjonijiet tal-UE

L-Ewroparlamentari appellaw lil Facebook biex iwettaq bidliet il-pjattaforma tiegħu biex ikun konformi aktar mal-liġijiet tal-Unjoni Ewroepa dwar il-protezzjoni tad-data.

Huma qalu dan ftit xhur wara l-iskandlu ta’ Cambridge Analytica, li bażikament tqabbdet mit-tim tal-kampanja elettorali ta’ Donald Trump u kellha aċċess għal madwar 50 miljun persuna li għandha kont fuq Facebook

Fid-dawl ta’ dan, il-Parlament Ewropew ivvota favur li l-privatezza tiġi protetta aħjar u għalhekk jipproponu:

  • Awditu sħiħ ta’ Facebook mill-korpi tal-UE
  • Il-liġijiet elettorali jridu jiġu aġġornati biex jirriflettu r-realtà diġitali
  • L-istati membri għandhom jinvestigaw l-allegazzjonijiet ta’ użu ħażin tal-ispazji politiċi fuq l-internet minn forzi barranin

L-MEPs qalu, f’riżoluzzjoni adottata illum, li Facebook “mhux biss kiser il-kunfidenza taċ-ċittadini tal-UE, iżda wkoll il-liġi tal-UE”. 

Huma qalu wkoll li Cambridge Analytica setgħat intużat għal finijiet politiċi, miż-żewġ naħat matul il-kampanja tar-referendum fir-Renju Unit dwar is-sħubija tal-pajjiż mal-UE

Huma insistew li għandhom malajr kemm jista’ jkun jiġu miġġielda t-tentattivi biex jiġu mmanipulati l-elezzjonijiet tal-UE u biex il-liġijiet elettorali jiġu adattati biex jirriflettu r-realtà diġitali. Ir-riżoluzzjoni toffri bosta ideat dwar kif dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu.

Ir-riżoluzzjoni toffri taqsira tal-konklużjonijiet milħuqa wara l-laqgħa ta’ Mejju bejn l-MEPs ewlenin u s-CEO ta’ Facebook Mark Zuckerberg, u t-tliet smigħ sussegwenti.  Aqra hawn ir-rapport tal-ILLUM dwar dan.

Kummenti minn MEPs Maltin

'Iċ-ċittadini Ewropej għandhom iserrħu rashom dwar id-data personali tagħhom' - Roberta Metsola

"Iċ-ċittadini Ewropej għandhom iserrħu rashom li d-data personali tagħhom tibqa’ personali u mhux tispiċċa fuq il-kompjuters ta’ persuni oħra. Sfortunatament, fl-aħħar xhur, smajna b’diversi każi fejn informazzjoni personali ta’ persuni li jużaw Facebook spiċċat għand kumpaniji privati li jużaw dik l-istess informazzjoni biex jinfluwenzaw l-elettorat fi żmien l-elezzjonijiet. Dan irid jieqaf illum qabel għada, speċjalment meta qed nippreparaw għal elezzjonijiet madwar l-Ewropa kollha f’Mejju li ġej. Aħna qed ninsistu li kumpaniji bħal Facebook ikunu trasparenti fil-modi u l-mekkaniżmi li jużaw biex jissalvagwardjaw l-informazzjoni personali tan-nies."

'Għandna nimmiraw li nsaħħu d-dritt tagħna għal ħajja privata' - Francis Zammit Dimech

"Bosta kienu effettwati mill-ksur tad-dejta personali ta 'Facebook’. Għandna dejjem nħarsu d-dritt tagħna bħala ċittadini u bħala konsumaturi, għall-privatezza tagħna. Għalkemm l-era diġitali ġabet riżultati pożittivi ħafna għad-dinja, ma nistgħux inħallu dan ikun ta' detriment għaliha. Għalhekk, għandna nimmiraw li nsaħħu it-trasparenza, ir-responsabilità, d-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi - speċjalment id-dritt tagħna għal ħajja privata, fejn id-dejta personali tkun protetta akkost ta 'kollox."

'Kull kumpanija għandha tkun konformi mal-liġijiet tad-data' - Marlene Mizzi

"Il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data hija waħda li għandha tiġi nfurzata sabiex tħares id-drittijiet taċ-ċittadini f’dak li għandu x’jaqsam data. Huwa minħabba f’hekk li kull kumpanija, rispettivament hiex SME jew ġgant bħal Facebook, għandha taħdem b'mod qatigħ biex tirregola l-pożizzjoni tagħha li tkun konformi mal-liġijiet tad-data. B’dan il-mod nevitaw skandlu ieħor bħalma kien dak ta’ “Cambridge Analytica”.

B’dan il-mod, jien u l-kollegi tiegħi ġewwa l-Parlament Ewropew ħa nkomplu naħdmu sabiex inkompli ntejbu l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, bl-intenzjoni ewlenija li tipproteġi lill-utent. Għaldaqstant irridu naħdmu sabiex inkomplu nħejju leġiżlazzjoni li tkun konformi ma l-iżvilupp u l-progress."

More in Politika