'Inutli li tonfoq €100 miljun jekk tkun qiegħed takkomada biss il-karozzi'

Iċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika bl-ewwel reazzjonijiet għall-Budġet 2019

Fi stqarrija bl-ewwel reazzjonijiet ghall-Budġet iċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal li, "huwa inutli li l-gvern ser jonfoq mitt miljun fit-toroq f’sena meta kull ma qed jagħmel huwa li jakkomda iktar karozzi fit-toroq.  Daqstant ieħor huwa inutli li l-budġet jagħti inċentivi fuq ix-xiri ta’ roti u pedelecs jekk ma jiżgurax infrastruttura adegwata biex dawn il-mezzi jintużaw mingħajr periklu," saħaq Cacopardo.

Fuq is-suġġett tal-ambjent in ġenerali, Iċ-Ċerpersin qal li, "il-budġet għal darb'oħra jerġa' jitkellem fuq pjan strateġiku għall-ambjent qisu pjan strateġiku bħala li pajjiż qatt ma kellna." 

Il-Perit Cacopardo qal li dan jinkwieta lil AD għax, "jagħti l-impressjoni li pajjiżna ser jerġa' jinħela fuq strateġija oħra, meta fil-fatt kull ma jonqos hija l-azzjoni konkreta li biha jiġu attwati il-pjanijiet strategiċi, li bħala pajjiż ilna s-snin li ddiskutejna u fassalna," sostna Cacopardo.

Huwa kompla jgħid kif skontu 'd-diskors tal-budġet kien saħansitra kontradittorju.' 

"Il-ministru tal-finanzi jiddikjara ruħu kontra l-evażjoni tat-taxxa.  Fl-istess ħin iżda, ma jitkellimx fuq il-fatt li l-gvern Malti tal-lum, bħal ta’ qablu, sistematikament jinkoraġġixxu kumpaniji barranin li jirreġistraw Malta bil-korrotta ta’ ħlas ta’ inqas taxxi milli kieku jħallsu fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom," saħaq Cacopardo.

Cacopardo saħaq wkoll li, kien jagħmel sens li tissemma' l-ħtieġa ta’ riċiklaġġ tal-iskart. Però l-budġet ma jindirizzax kif dan l-isforz jintegra ruħu fl-ekonomija ċirkolari anke jekk il-Ministru tal-Ambjent kemm-il darba ftaħar fuq il-priorità ta’ din l-ekonomija. 

"Fid-diskors kollu, l-ekonomija ċirkolari ma tissemmiex darba.  Jinbet għaldaqstant is-suspett li l-gvern tilef il-boxxla fuq aspett tant importanti fuq bażi ekonomika, soċjali u ambjentali," spjega Cacopardo.

Apparti minn dan, skont Cacopardo, id-diskors jagħmel enfasi fuq il-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-inċinerazzjoni tal-iskart li tirrikjedi volumi kbar ta’ skart biex din tkun vijabbli. 

"Id-diskors ma jsemmi xejn fuq kif dan jintrabat ma inizjattivi ta’ riċiklaġġ li jnaqqsu l-istess volum tal-iskart.  Il-Gvern qisu jrid jikkonvinċina li min-naħa l-waħda jrid inaqqas l-iskart imma min-naħa l-oħra għandu bżonn għax mingħajru l-inċineratur ma jaħdimx," sostna il-Perit.

More in Politika