‘Haw’ġisem’... u tista’ teħel multa ta’ €10,000 u sentejn ħabs

'Kliem bħal, ‘haw’ġisem’, jew ‘haw’lily’, huma meqjusa bħala att ta’ fastidju sesswali'

Minn haw’ġisem sa haw’lily, il-Malti bħal kull lingwa oħra, jinkludi fih ġabra ta’ kliem li tista’ tintuża bl-għan li persuna tittanta u tiffastidja persuna oħra. Normalment dan hu meqjus bħala att ta’ diżrispett, umiljanti u offensiv però ftit jafu li tista' teħel multa ta’ €10,000 u anke sentenza ta’ sentejn priġunerija. Hekk hu. Dan issa ġie kkonfermat mill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza għall-mistqosijiet ta’ din il-gazzetta.

Riċentement, waqt l-intervent tagħha fuq il-programm TVAM, Lara Dimitrijevic mill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa, qalet li għandhom jibdew jittieħdu passi kriminali kontra min jgħaddi dawn it-tip ta’ kummenti.

Dimitrijevic sostniet li l-fastidju sesswali, m'għandux jibqa' japplika biss għal każijiet bħal dawk li jseħħu fuq il-post tax-xogħol iżda għandu jestendi wkoll għal dawk li jsiru fit-toroq Maltin u Għawdxin.

Dimitrijevic spjegat kif f’pajjiżi Ewropej oħra bħal Franza, diġà hemm liġi li tissalvagwardja kontra dan it-tip ta’ fastidju. Dan hekk kif f’Awwissu li għadda Franza daħlet fis-seħħ liġi kontra dan it-tip ta’ fastidju. Bażikament persuna li tifastidja lil persuna oħra bi kliem dispreġġjattiv bħal dan tista’ teħel multa ta’ €750 dak il-ħin stess.

Żiedet tgħid li bħala Fondazzjoni, kienu pproponew din il-liġi fl-istadju ta' konsultazzjoni dwar l-Att dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika li ddaħħlet din is-sena bl-għan li Malta tiġi konformi mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-ILLUM tkellmet mal-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, propju l-Ministeru li kien inkarigat mil-liġi tal-Vjolenza Domestika, li rat lill-Malta ssir konformi mal-Konvenzjoni ta' Istanbul.

Minkejja d-dikjarazzjoni ta’ Dimitrijevic, il-Ministeru spjega li attwalment il-liġi Maltija diġà tkopri sabiex dan it-tip ta’ fastidju jkun penalizzat, permezz ta’ sentenza ta’ priġunerija u/jew multa ħoxna.

“Fil-qosor ma hemm ebda bżonn li tinbidel il-liġi, iżda biss li jitħaddmu l-bidliet permezz tal-Att dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika,” sostna Silvan Agius li huwa id-Direttur għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni fi ħdan il-Ministeru.

Hu kompla jgħid li, il-Kodiċi Kriminali huwa ċar dwar dan l-att, “il-fastidju jista’ jseħħ permezz ta’ numru ta’ azzjonijiet mill-akkużat. Fosthom meta persuna tissoġġetta lil persuna oħra għal xi att jew imġiba li jkollhom konnotazzjonijiet sesswali,” saħaq Agius.

Żied jgħid, “li dan jinkludi fih kliem bil-fomm, mossi, jew għemil, il-wiri jew ċirkolazzjoni ta’ kliem miktuba, stampi, jew materjal ieħor li mhumiex mixtieqa mill-vittma u li jistgħu raġonevolment ikunu kkunsidrati bħala offensivi, umiljanti, degradanti jew intimidanti,” spjega Agius.

Għalhekk, Agius spjegalna kif il-liġi tikkunsidra kliem bħal, ‘haw’ġisem’, jew ‘haw’lily’, bħala att ta’ fastidju sesswali. Sabiex xi ħadd jinsab ħati ta’ dan hemm bżonn li: ovvjament ikun seħħ l-att u li dan ma jkunx mixtieq mill-vittma kif ukoll li l-kliem li jintqal ma jkunx jista' jitqies bħala wieħed raġonevoli fiċ-ċirkostanzi ta’ meta jintqal.

Fl-aħħar nett, huwa spjega li l-piena marbuta ma’ dan ir-reat hija ta’ priġunerija għal minimu ta’ sitt xhur sa massimu ta’ sentejn, jew multa ta’ bejn €5,000 u €10,000, jew, skont id-diskrezzjoni tal-Qorti, dik il-multa u l-priġunerija flimkien.

More in Politika