Qorti | Akkużat bi stupru u li hedded lil bintu stess

Ir-raġel ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest fuq il-biża' li jbagħbas l-evidenza

Raġel li kien irrappurtat lill-pulizija mis-sieħba tiegħu 100 darba kien mressaq il-Qorti akkużat bi stupru u li ġab ruħu b'mod vjolenti. 

L-akkużi miġjubun kontrieh kienu stupru, li kellu x'jaqsam mas-sieħba tiegħu mingħajr il-kunsens tagħha u li saħansitra attakka lil bintu u hedded lis-sieħba. L-allegat stupru seħħ f'Awwissu, bir-raġel ikun arrestat jumejn ilu wara li allegatament hedded lil bintu. 

L-Ispettur John Spiteri qal lill-Maġistrat Neville Camilleri kif il-vittma kienet marret l-uffiċċju tiegħu nhar il-Ħadd li għadda. "Hija kienet għamlet ħafna rapporti, 'l fuq minn 100 u hija wkoll kienet mressqa l-Qorti fuq theddid. Ġew l-uffiċċju tiegħi minħabba li tifla ta' 11-il sena, li hija bint l-akkużat, qalet li kien għamlilha sinjal daqs li kieku kien se jħanxarha." Spiteri spjega kif wara li kienet ħarġet mill-Isptar kienet għamlitha ċara li riditx ikollha x'taqsam miegħu hekk kif kienu għaddejjin bi proċess ta' rikonċiljazzjoni. Minflok hu aggredieha sesswalment . 

Spjega kif kemm l-omm u anke l-bint kienu jgħixu f'biża' kontinwa mill-akkużat. 

L-Avukat Difensur Jason Grima iżda qal illi dan kien biss wieħed mill-ħafna rapporti foloz li kienet għamlet il-mara u allura staqsa għalfejn ħassew li kellhom iressquh din id-darba. Il-Prosekuzzjoni tat lid-Difiża x'tifhem illi kienet il-mossa lit-tifla, mill-akkużat, li waslet għal dan.

L-akkużat, Eġizzjan ta' 51 sena, wieġeb mhux ħati. 

L-Ispettur Spiteri spjega kif jekk l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest dan jista' jservi ta' riskju għall-vittmi, hekk kif joqgħod żewġ sulari taħthom. Qal ukoll illi numru ta' ordnijiet ta' protezzjoni kienu njorati mill-akkużat.  

L-avukat Grima qal illi s-sieħba tiegħu kienet qed tipprova tagħmel minn kollox biex ma tħallix lir-raġel jkun mat-tfal. 

Il-Qorti iżda rrifjutat li tagħti l-ħelsien mill-arrest minħabba riskju li l-akkużat jbagħbas l-evidenza. 

 

More in Politika