Baġit | Il-PD jrid inċentivi li jindirizzaw id-domanda għall-abitazzjoni u ż-żieda fil-kirjiet

Il-Partit Demokratiku fakkar lill-Gvern li ċ-ċavetta għall-ħolqien tal-ġid hi sostenibbiltà

Ftit sigħat biss qabel jitħabbar il-Baġit għas-sena d-dieħla, il-Partit Demokratiku fakkar lill-Gvern li ċ-ċavetta għall-ħolqien tal-ġid hi sostenibbiltà u li t-tkabbir ekonomiku tajjeb mhuwiex direttament proporzjonali mal-kwalità tal-ħajja.

Kien għalhekk li appella lill-Gvern biex jiġu indirizzati dak li jsejjaħ bħala n-nuqqasijiet fl-ippjanar sostenibbli.

Fost oħrajn qed jipproponi li:

  • Jitnaqqas it-traffiku u jinstabu modi ta’ transport alternattivi u t-toroq tal-ibliet iridu jsiru aktar abitabbli. 
  • Minnufih jingħataw inċentivi biex jindirizzaw id-domanda għolja għall-abitazzjoni u ż-żieda fil-kirjiet
  • Jingħata aktar taħriġ lill-ħaddiema.
  • Is-salarji u l-pensjonijiet għandhom jiggarantixxu ħajja dinjituża għal kulħadd.
  • Isir investiment fir-riċerka u innovazzjoni u li dawn imorru id f’id ma’ governanza tajba li, skont il-PD, għandha bżonn aġenziji ta’ infurzar u regulaturi awtonomi u indipendenti.
  • Ikun imħares u ppreservat il-wirt naturali.

Jipproponi wkoll li biex jinżamm it-tkabbir ekonomiku, Malta għandha bżonn li:

  • Tissalvagwardja l-integrità tas-setturi finanzjarji, tal-gaming u tat-turiżmu, u tiddependi inqas fuq l-iżvilupp fil-bini urban.
  • Tiżgura li dan it-tkabbir huwa inklussiv għax kull livell tas-soċjetà, speċjalment dawk fir-riskju ta’ faqar, għandhom igawdu mid-distribuzzjoni xierqa tal-ekonomija.

“Dan il-gvern għadu ma tgħallimx l-arti tal-ippjanar fit-tul. Il-PD jsejjaħ lill-gvern biex jagħmel dak li hu strateġikament tajjeb u sewwa. Ekonomija sostenibbli u etika hi mibnija fuq il-pedamenti sodi li jżommu bilanċ bejn il-qligħ u l-ġustizzja soċjali, u b’hekk jiġi mħares il-benesseri tan-nies,” temm jgħid il-Partit Demokratiku.

More in Politika