20 għaqda jitolbu li l-prezz ta' kirja ma jogħliex b'aktar minn 10% bejn kuntratt u ieħor

Ma fhimtx x'qed jipproponi l-Gvern dwar il-kirjiet? Għada l-Ħadd il-gazzetta ILLUM tispjega u tintervista....

Il-koalizzjoni ta' 20 għaqda non governattiva (NGO), li fi Frar ta' din is-sena kienet ippreżentat il-Proposta għal Regolamentazzjoni tal-Kera f'Malta, laqgħet il-White Paper li ppreżenta l-Gvern fir-rigward tal-kirjiet b'mod pożittiv. 

L-NGOs iżda qed jippropnu li kuntratt ta' kera ma jistax ikun inqas minn tliet snin, b'inċentivi fiskali li jinkorġġixxu lis-sidien biex jidħlu f'kuntratti twal. Il-Gvern qed jitlob li ssir perjodu minimu kuntrattwali, għalkemm fil-White Paper ma speċifikax kemm għandu jkun twil dan il-perjodu.

"Pereżempju, sid ta' proprjetà li jagħti kirja ta' seba' snin iħallas inqas taxxa fuq id-dħul mill-kera minn sid ta' proprjetà li joffri kuntratt ta' erba' snin. Fil-każ ta' kerrejja li jikru għal perjodu ta' żmien qasir bħal studenti, ħaddiema temporanji u individwi li qed iwettqu xogħlijiet fuq il-proprjetà ewlenija tagħhom, il-kuntratti għandhom ikunu eżentati mit-tul kuntrattwali minimu ta' tliet snin, bil-kundizzjoni li jingħataw provi validi iżda raġonevoli ta' dan."

Intant, dawn l-NGOs qegħdin jipproponu wkoll li meta jkun itterminat kuntratt jew inkella meta jiskadi, sid il-proprjetà ma jistax jgħolli dik il-kirja b'iktar minn 10%. Jiġifieri jekk kirja kienet ta' €500 fix-xahar, meta jispiċċa kuntratt u jsir wieħed ġdid il-kirja tista' togħla biss b'€25 fix-xahar. 

L-20 għaqda qed jipproponu wkoll li jkun hemm dak li jissejjaħ Rent Value Index, jiġifieri indiċi li jirrifletti l-prezz tal-kirja f'żona u skont il-klassi ta' proprjetà. Dawn l-NGOs jipproponu li l-prezz inizjali tal-kirja m'għandux ikun ogħla minn 10% ta' dik il-medja. 

Min-naħa l-oħra wrew qbil totali mal-miżuri biex id-depożitu jkun miktub fil-kuntratt kif ukoll li jkun hemm inventarju ta' dak kollu li kien hemm fl-appartament meta l-inkwilin daħal jgħix fih. 

L-20 għaqda li qegħdin jippreżentaw din ir-reazzjoni għall-White Paper dwar il-kera huma:  
 

Moviment Graffitti, Alleanza Kontra l-Faqar, Malta Tenant Support, Women’s Rights Foundation, Forum Komunita’ Bormliża, Malta Humanists Association, The Millennium Chapel, Żminijietna – Voice of the Left, aditus Foundation, Platform of Human Rights Organisations in Malta (PHROM), Malta Gay Rights Movement, The Critical Institute, Spark 15, Mid-Dlam għad-Dawl, Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, SOS Malta, African Media Association Malta, Koperattiva Kummerċ Ġust, Integra Foundation u Third World Group

L-Alternattiva Demokratika trid perjodu minimu kuntrattwali ta' sena

“Il-proposti fil-White Paper dwar ir-Regolamentazzjoni tas-Suq tal-Kera huma ġeneralment pass 'il quddiem, u jekk implementati bla dubju jservu biex joħolqu stabilità tas-suq tal-kera fil-qafas ta’ protezzjoni ġusta kemm tal-inkwilini kif ukoll tas-sidien. Hemm ħtieġa imma li jkun hemm diskussjoni serja biex ikunu evitati diffikultajiet bla bżonn.” Dan qalu Carmel Cacopardo Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika huwa u jikkummenta f’konferenza tal-aħbarijiet f’Bormla dwar il-proposti tal-Gvern għar-regolamentazzjoni tas-suq tal-kera fil-White Paper ippubblikata riċentement.

Hu kompla jghid “kif ġustament jikkummenta d-dokument ippubblikat mill-Gvern, dan il-pajjiż fil-passat kellu sistemi ta’ kontroll riġidi u kienu dawn il-kontrolli li qatlu s-suq tal-kera. Imma morna minn estrem għall-ieħor tant li llum qegħdin f’sitwazzjoni bla ebda forma ta’ regolamentazzjoni: għax drajna li f’dan il-pajjiż jew nejja jew maħruqa.”

“Huwa għaldaqstant floku li soġġett għall-eċċezzjonjijiet proposti fil-White Paper il-kirja minima tkun għal perjodu ta’ sena u li jekk ma jkunx hemm il-ħsieb li l-kirja tiġġedded jingħata avviż adegwat. Kien wasal iż-żmien ukoll li jkunu regolati d-depożiti li jistgħu jintalbu biex jagħmlu tajjeb għal ħsarat, kontijiet mhux imħallsa jew xi materja oħra. Minn dak li nisimgħu kontinwament dan hu qasam fejn kienu qed isiru l-abbużi u huwa għaldaqstant tajjeb illi jinħoloq mekkaniżmu kif dawn l-abbużi jkunu rregolati.”

“Anke ż-żidiet tal-kera li jitħallsu tul il-perjodu tal-kuntratt huwa tajjeb li jkunu regolati sewwa u dan għax hu meħtieġ u anke ġust biex kulħadd ikun jaf fejn qiegħed.”

Carmel Cacopardo kompla jgħid li “fil-kuntest tal-proposti li qed jagħmel il-Gvern, dwar kirjiet li jagħlqu Alternattiva Demokratika jidhrilha li m’għandhiex tinħoloq eċċezzjoni li tiġġustifika terminazzjoni prematura ta’ kuntratt ta’ kirja biex sid ta’ post jieħdu lura għar-ragunijiet li jissemmew fil-White Paper: għall-użu tiegħu jew ta’ qraba, bejgħ jew inkella żvilupp mill-ġdid. Dawn jistgħu jkunu raġunijiet validi biex kirja ma tiġġeddidx imma mhux biex tkun terminata qabel il-waqt.”

Carmel Cacopardo kkonkluda billi qal li “biex is-suq tal-kera tal-proprjetà residenzjali jissaħħaħ mhux biżżejjed li jkunu regolati l-kirjiet mis-settur privat. Huwa importanti li jkun hemm ukoll preżenza aktar qawwija tal-qasam tal-akkomodazzjioni soċjali pprovdut li jrid jibqa’ disponibbli għall-vulnerabbli billi ma jinbiegħx imma jibqa’ jintuża minn dawk li għandhom ħtieġa għalih.”

 

More in Politika