Il-Gvern jistaqsi jekk wasalx iż-żmien li Sindku jkun full-time

Il-Gvern iniedi għall-konsultazzjoni l-White Paper għar-riforma tal-Kunsilli lokali

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis nieda l-White Paper għar-riforma tal-Kunsilli lokali għal konsultazzjoni pubblika.

Fost dawn, il-Gvern qed jistaqsi jekk is-sindki għandhomx ikunu full-time u anke jekk wasalx iż-żmien li sindku jkollu terminu massimu ta’ tliet leġislaturi.

Il-White Paper tikkunsidra wkoll il-possibilità li ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jingħatalhom id-dritt li jikkontestaw l-elezzjonijiet lokali.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari qal li din ir-riforma għandha l-għan li ssaħħaħ kemm lill-kunsilli reġjonali kif ukoll dawk lokali u li taħdem fuq kollox fil-qasam soċjali.

Fost il-proposti ewlenin f’din ir-riforma hemm:

  • Rwol aktar definit għar-reġjuni u aktar responsabbiltajiet kif ukoll ir-riżorsi meħtieġa biex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom.
  • Il-funzjonijiet tal-kumitati amministrattivi jerġgħu jgħaddu għand il-kunsill lokali rispettiv u l-istess kumitati amministrattivi jiġu xolti. Hu propost li kunsillier għandu jkollu f'idu r-responsabbiltà ta’ dawn iż-żoni.
  • Jiġu emendati l-liġijiet dwar il-permessi mogħtija mill-kunsilli lokali biex ikunu simplifikati u jkun hemm uniformità fl-applikazzjoni tagħhom mill-kunsilli lokali u anke jkun jkun possibbli li jsiru applikazzjonijiet u għoti ta’ permessi online.
  • Il-Kunsilliera għandhom ikunu assenjati responsabbiltajiet dwar materji li jaqgħu fil-funzjoni tal-kunsilli lokali.
  • Aktar awtonomija lill-kumitati reġjonali u lill-kunsilli lokali fir-rigward tan-numru ta’ persuni impjegati magħhom
  • Qed ikun propost li l-Att dwar Kunsilli Lokali jsir jismu l-Att dwar Gvern Lokali biex tassew ikun hemm rikonoxximent u tingħata l-importanza mixtieqa lill-kunċett ta’ Gvern Lokali.
  • Tkun emendata l-Kostituzzjoni biex tirrifletti l-kunċett ta’ gvern lokali li jkun kompost minn żewġ livelli – dak reġjonali u dak lokali.

More in Politika