‘L-inkjesta kienet tkun konklussiva li kieku sirna nafu ta' min hi Egrant’

Sena wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, l-ILLUM tistaqsi lil Occupy Justice

Occupy Justice, għaqda ffurmata wara l-mewt ta’ Daphne twieġeb il-mistoqsijiet tal-ILLUM, sena wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

1. Il-fatt li sena wara l-assassinju, il-mandant għadu mhux magħruf, taħseb li huwa frott nuqqas ta’ rieda, nuqqas ta’ effiċjenza fis-sistema jew inkella frott il-kumplessità tal-każ?

Bla dubju ir-raġuni hi li m’hemmx interess li l-każ jissolva għax hemm animożità kbira fil-konfront ta’ Daphne u dak li tirrappreżenta. L-investigazzjoni mill-ewwel ġiet imtebbgħa bl-involviment ta’ Assistent Kummissarju li hu miżżewweġ Ministru filwaqt li politiċi prominenti bħal Chris Cardona, li dwarhom ħarġet evidenza, lanqas biss ġew interrogati. Terġa’, ma’ kull ċans, il-Gvern wera disprezz xokkanti lejn il-memorja tal-vittma, tal-familja tagħha u ta’ kull min irid li naslu għall-verità u għall-ġustizzja. Reponsabbli għal dan kollu huwa l-Prim Ministru.

2. X’taħseb li huwa l-akbar wirt li ħalliet warajha Daphne Caruana Galizia? Taħseb li l-impatt tagħha fuq il-ġurnaliżmu ta’ pajjiżna kien tajjeb jew ħażin?

L-aqwa wirt ta’ Daphne huma t-tfal tagħha li bħalha għandhom is-saħħa u d-determinazzjoni li jiġġieldu għall-verità u għall-ġustizzja.

3. Il-fatt li għaddejjin proċeduri kriminali u anke għaddejja inkjesta maġisterjali, taħseb li huwa biżżejjed? Hemm bżonn inkjesta pubblika u indipendenti mill-awtoritajiet Maltin kif qed titlob il-familja Caruana Galizia?

Iva, bla dubju. Hemm bżonn inkjesta indipendenti għax il-Gvern stess huwa taħt suspett minn ħafna filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti mhux qed jiċċaqalqu għax huma pupazzi f’idejh. Allura l-Gvern m’għandux kredibilità li jmexxiha hu.

4. Taħseb li l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant tappnu x-xogħol ta’ Caruana Galizia u r-reputazzjoni tagħha bħala ġurnalista investigattiva?

Assolutament le. Ġurnalist mhuwiex u m’għandux ikun mistenni jagħmel xogħol investigattiv ta' Pulizija. Dak li ħarġet Daphne fuq il-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi li fihom kellhom idaħħlu $150,000 fix-xahar ġie kkonfermat u kien aktar minn biżżejjed biex jagħti kredibilità kbira dak li qalet dwar Egrant, għax kien eżatt dak li kulħadd kien qed jissusspetta. Jekk u kemm kellhiex raġun għad irridu naraw għax s'issa il-Prim Mnistru ppubblika biss dak li jaqbillu. U anki f'dak li ppubblika, ma jingħadx li mhix tiegħu iżda li ma nstabux provi li hi tiegħu. L-inkjesta kienet tkun tassew konklussiva li kieku sirna nafu ta' min hi Egrant.

5. Fid-dawl tal-kwistjoni dwar il-fjuri u x-xemgħat li qed jitpoġġew u jitneħħew minn quddiem il-Qorti, taħseb li għandu jkun hemm ‘mafkar’ fiss għal Daphne Caruana Galizia? Fejn taħseb li għandu jsir?

B’mod spontanju n-nies ħassew li għandhom jesprimu s-sogħba u l-għadab tagħhom quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir għax jinsab quddiem il-qrati fejn suppost issir il-ġustizzja u għaliex il-monument ifakkarna li anki llum qed ngħixu assedju. Assedju kontra l-aktar valuri importanti għalina, bħall-verità, il-ġustizzja, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali. Huwa ta’ għajb għall-Gvern li kontinwament jipprova jgħaffeġ din il-espressjoni.

More in Politika