Regolarizzazzjoni ‘gentlemen’s clubs’: Għadhom lanqas biss bdew id-diskussjonijiet

....huma diversi l-għaqdiet, il-kunsilli, il-Ministeri u s-sidien imma d-diskussjonijiet dwar ir-regolarizzazzjoni għadhom lura ħafna

Minkejja li fl-aħħar ġimgħat reġgħet qamet diskussjoni dwar il-‘gentlemen’s clubs’ din il-gazzetta tinsab infurmata li l-proċess ta’ regolarizzazzjoni għadu lura ħafna, tant li għadhom lanqas biss bdew il-laqgħat inizzjali biex jibdew jitfasslu l-linji gwida.

Sors qrib sew tal-industrija tad-divertiment u sorsi oħra viċin il-Gvern sostnew ma’ din il-gazzetta li minkejja diskors dwar regolarizzazzjoni, s’issa ftit li xejn għadu sar. Jidher li dan id-dewmien huwa frott il-fatt li hemm ħafna ‘stakeholders,’ fosthom Ministeri differenti li jitrattaw mhux biss in-negozju, però wkoll il-kwistjonijiet ta’ drittijiet ta’ xogħol u l-kwistjoni tal-ġeneru u abbuż li jista’ jinħoloq f’dan il-clubs.

Apparti minn hekk, minħabba li l-maġġoranza ta’ dawn l-istabbilimenti jinsabu f’Paceville, ifisser li d-diskussjonijiet jeħtieġ jinkludu wkoll ‘l-istakeholders’ ta’ din iż-żona, fosthom il-Kunsill Lokali, il-Kunsill Amministrattiv u anke negozji oħrajn fil-madwar li jgawdu minn iktar negozju minħabba dawn l-istabbilimenti.

Minkejja dan kollu, f’Awwissu tas-sena li għaddiet f’intervista fuq TVM, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi kien qal li l-abbozz ta’ liġi kien qed jiġi mfassal u kellu jitressaq quddiem il-Parlament sal-aħħar tas-sena li għaddiet.

Tant hu hekk, li l-Konsulent tal-Ministeru, George Micallef, fil-preżenza tal-Ministru Mizzi, kien indika x’se jkunu wħud minn dawk il-linji gwida li s-sidien tal-‘gentlemen’s clubs’ se jkunu obbligati li jsegwu. Fost dawn semma d-distinzjoni li għandha ssir bejn l-imġiba u l-ilbies tat-tfajliet li jiżfnu fuq il-palk u dawk li jiżfnu fuq l-imwejjed, il-projbizzjoni ta’ kmamar privati u anke limitazzjonijiet fuq iż-żoni fejn dawn l-istabbilimenti jistgħu jiftħu.

Kien qal ukoll li se jkun hemm obbligu fuq l-operaturi li jikkomunikaw bil-miktub il-kodiċi tal-imġiba taż-żeffiena u anke u l-kodiċi tal-imġiba tal-klijent biex dawn ikun jaf kif għandhom iġibu ruħhom.

Preżentament, il-‘gentlemen’s clubs’ jaqgħu taħt il-liċenzja tal-ħwienet fil-kategorija tal-ikel. Il-pjan kien li jkun hemm liċenzja speċifika għal dawk l-istabbilimenti li joffru divertiment tard bil-lejl, b’sotto kategorija għad-divertiment tal-adulti, li taħthom ikunu jaqgħu ‘il-gentlemen’s clubs.’

Fl-aħħar ġimgħatejn, din il-gazzetta rrappurtat dwar dawn l-istabbilimenti wara li l-Imħallef Edwina Grima reġgħet qajmet id-diskussjoni wara li ħeġġet lill-awtoritajiet biex ifittxu jirregolaw dawn il-clubs.

Din il-gazzetta fakkret kif ir-regolarizzazzjoni ta’ dawn l-istabbilimenti kien semmiha għall-ewwel darba Edward Zammit Lewis meta kien Ministru għat-Turiżmu fl-2016.

Il-President tas-sezzjoni tal-GRTU għas-setturi tat-turiżmu, l-ospitalità u d-Divertiment, Philip Fenech, ukoll kien ikkonferma ma’ din il-gazzetta li l-proċess għar-regolarizzazzjoni għadu fi stadju bikri, anke jekk sidien ta’ żewġ stabbilimenti qalu li jaqblu li l-clubs tagħhom jiġu rregolarizzati.

Apparti minn hekk, il-Ħadd li għadda, din il-gazzetta ċempel wieħed mill-aġenti li jissupplixxi lil dawn il-clubs Maltin bit-tfajliet. Irriżulta li kull tfajla tiswa lis-sid lis-sid €20 kuljum fit-terminu tal-ewwel kuntratt ta’ ġimagħtejn u hija hi li tiddeċiedi jekk il-kuntratt għandux ikun imġedded.

Dawk li jaqblu illi għandhom ikunu rregolati qed jinsistu li dan il-proċess għandu jpoġġi kollox fid-deher u jnaqqas l-abbuż. Min-naħa l-oħra dawk li ma jaqblux, fosthom diversi għaqdiet tan-nisa u anke l-Kummissarju għall-Ugwaljanza Renee Laiviera jinsistu illi hemm rabta qawwija bejn dawn il-clubs, il-kriminalità, il-prostituzzjoni u t-traffikar tan-nisa u għalhekk għandhom jingħalqu u mhux ikunu rregolati.

More in Politika