‘Il-qrusa fit-togħma ġurnalistika tagħha għadha tinħass u se tibqa’’

Sena wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, l-ILLUM titkellem mal-opinjonista Manuel Micallef

Manuel Micallef, eks kandidat Laburista u opinjonistajwieġeb il-mistoqsijiet tal-ILLUM fl-ewwel anniversarju mill-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

1. Il-fatt li sena wara l-assassinju, il-mandant għadu mhux magħruf, taħseb li huwa frott nuqqas ta’ rieda, nuqqas ta’ effiċjenza fis-sistema jew inkella frott il-kumplessità tal-każ?

Il-mandant għadu mhux magħruf frott il-kumplessità tal-każ. Jalla jsir magħruf għax b'hekk jingħalaq il-kapitlu u tkun saret ġustizzja ma' kulħadd. Imma diffiċli ferm, jekk mhux impossibbli, li nsiru nafu min hu għax jiddependi kważi assolutament minn dawk li allegatament wettqu l-qtil. F'każi bħal dawn l-akkużati jagħżlu s-silenzju u l-omertà u allura t-truf ma jinħallux malajr!


2. X’taħseb li huwa l-akbar wirt li ħalliet warajha Daphne Caruana Galizia? Taħseb li l-impatt tagħha fuq il-ġurnaliżmu ta’ pajjiżna kien tajjeb jew ħażin?

Għandi ħsibijiet imħallta dwar dan. Minn banda nara kemm huwa meħtieġ li jkollna ġurnalisti investigattivi li jkollhom il-libertà u l-protezzjoni kollha li jirrappurtaw dwar każi serji li jinvolvu l-awtoritajiet, nies fil-poter, nies fin-negozju u stejjer b’rivelazzjonijiet li jistgħu jkexkxu. Imma dan iridu jagħmluh fuq fatti li jirriżultawlhom u b’responsabiltà. Huwa kundannabbli min juża l-ġurnaliżmu biex joħloq stejjer fittizji, aħbarijiet foloz, qlajjiet sensazzjonali u rapporti ntiżi li joħolqu l-mibgħeda, il-mistħija jew l-umiljazzjoni lejn min ikun imsemmi. Il-kitba ta’ Caruana Galizia kellha taħlita ta’ dawn l-elementi. L-impatt li ħalliet kien wieħed li ġab jew qanqal il-firda fost soċjetà diġà polarizzata. Kellha aġenda li tispikka: kulma hu, jew hemm xamma jew konnessjoni mal-Labour huwa xitan, ħażin u moqżież.

B’hekk tilfet il-kredibiltà ta’ ġurnalista serja li ma tħares lejn wicc ħadd! Kif ħareġ biċ-ċar mill-każ li rrappurtat dwar l-Egrant. Jekk dan il-wirt jew l-impatt fuq il-ġurnaliżmu hux tajjeb jew ħażin għad trid tgħidulna l-istorja, imma l-qrusa fit-togħma ġurnalistika tagħha għadha tinħass u se tibqa’.

3. Il-fatt li għaddejjin proċeduri kriminali u anke għaddejja inkjesta maġisterjali, taħseb li huwa biżżejjed? Hemm bżonn inkjesta pubblika u indipendenti mill-awtoritajiet Maltin kif qed titlob il-familja Caruana Galizia?

Jien nitlaq mill-premessa li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż, inkluż il-Qorti, qed jiffunzjonaw u huma b’saħħithom. Allura ma narax il-bżonn ta’ inkjesti pubbliċi u indipendenti oħrajn. Kieku kellu jsir dan inkunu qed nimminaw l-istess istituzzjonijiet u nippreġudikaw il-kors tal-ġustizzja, apparti l-konsegwenzi koroh li jinqalgħu fir-rigward tas-saltna tad-dritt u d-demokrazija f’pajjiżna. Jidher li l-familja Caruana Galizia tilfet l-fiduċja kollha fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u għalhekk qed tirreaġixxi b’dan il-mod. Iżda l-poplu qed jistaqsi ‘xi tridu eżatt il-familja Caruana Galizia? Li ssir ġustizzja, billi jinstab min qatel u min fassal il-pjan tal-qtil? Jew li jikkrolla l-Gvern u l-istituzzjonijiet ta’ pajjizna?’

4.Taħseb li l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant tappnu x-xogħol ta’ Caruana Galizia u r-reputazzjoni tagħha bħala ġurnalista investigattiva?

Fil-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant instab li kien hemm dokumenti fittizji b’firem foloz. Kien hemm xhieda kontrastanti bejn Daphne Caruana Galizia u Maria Efimova. Dak li kitbet Caruana Galizia, jiġifieri li l-kumpanija Egrant hija ta’ Michelle Muscat irriżulta li kienet gidba. Quddiem dawn il-fatti pruvati wieħed bilfors jiġih dubju mill-kredibiltà ta’ Caruana Galizia. Ġurnalista investigattiva għandha tkun motivata mit-tiftix tal-verità...mhux għall-gideb!

5. Fid-dawl tal-kwistjoni dwar il-fjuri u x-xemgħat li qed jitpoġġew u jitneħħew minn quddiem il-Qorti, taħseb li għandu jkun hemm ‘mafkar’ fiss għal Daphne Caruana Galizia? Fejn taħseb li għandu jsir?

It-tqegħid u tneħħija tal-fjuri u xemgħat minn quddiem il-Qorti mhux qed jixhdu rispett lejn il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia. Qed naqgħu fir-redikolaġni. Is-segwaċi tagħha għandhom dritt jagħmlu mafkar tagħha u għandhom isibu post adattat mingħajr ma jidħlu f’kontroversja bla bżonn.

More in Politika