Jorħsu 23 mediċina fosthom dawk tad-dipressjoni, antibijotiċi u l-pillola kontraċettiva

Raħsu wkoll mediċini li jintużaw fil-kura ta’ infezzjonijiet u anke l-contact lenses

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista ħabbar roħs ta’ 23 mediċina u 5 medical devices.

Fost il-mediċina li raħħset hemm antibijotiċi, mediċini tad-dipressjoni, il-pillola kontraċettiva u mediċini kontra l-fungus u l-allerġija.

L-antibijotiku tal-penicillin ‘co-amoxiclav’ raħas b’25%, għalhekk il-pazjent se jiffranka minn roħs li jlaħħaq il-€5. Tħabbar roħs ukoll ta’ 22% fuq mediċina indikata fid-dipressjoni u ta’ 18% fuq pilloli kontraċettivi.

Mediċini oħra li jintużaw fil-kura ta’ infezzjonijiet raħħsu b’5%. Raħħsu wkoll il-contact lenses.

Apparti minn hekk, 15-il mediċina ġenerika ta’ kwalità ġew introddotti fis-suq Malti bi prezz irħas li jlaħħaq is-60% minn mediċini alternattivi li diġà jinstabu fis-suq. 

Fost dawn hemm il-mediċina pregabalin li hija indikata fl-uġigħ neuropatiku. Meta mqabbla mal-mediċina originali l-pazjent jista’ jiffranka sa €60 għal kull pakkett ta’ 56 pillola. L-istess jgħodd għall-mediċina li tintuża għall-emikranja zolmitriptan.

Dawn il-mediċini kollha huma rregistrati mal-Awtorità dwar il-Mediċini u b’hekk huwa assigurat li huma ta’ kwalità, sigurtà u effikaċja bħall-mediċini kollha li jinsabu għall-bejgħ fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Is-Segretarju Parlamentari, Deo Debattista saħaq li sar titjib fl-aċċessibiltà billi ġew introddotti fis-suq 10 mediċini ġodda b’impatt terapewtiku. Fosthom hemm l-antibijotiku phenoxymethypenicillin li jikkawża inqas reżistenza meta mqabbel ma’ antibijotiċi oħra.

“L-aċċess għall-mediċini huwa fundamentali għas-saħħa pubblika u għat-tkabbir ekonomiku. Il-Gvern jagħraf l-importanza ta’ mediċini aktar aċċessibbli, billi l-prezzijiet tal-mediċini jkunu affordabbli filwaqt li tkun assigurata l-kwalità, is-sigurtà u l-effikaċja ta’ kull prodott mediċinali fuq is-suq,” temm jgħid Debattista.

More in Politika