Kieku jsir referendum illum, 65% tal-Maltin jivvutaw biex jibqgħu fl-UE

76% tal-Maltin jħarsu lejn l-immigrazzjoni bħala t-tħassib ewlieni tagħhom

Stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat fl-aħħar sigħat juri li kieku f’Malta kellu jsir referendum bħalma sar fir-Renju Unit, 65% tal-Maltin jivvutaw biex jibqgħu fl-Unjoni Ewropea.

Dan l-istħarriġ sar f'Settembru 2018 u juri kif wara l-vot favur Brexit, 68% tal-Ewropej huwa pożittivi dwar sbuħija tal-Unjoni Ewropea, livell, li l-istħarriġ jiddeskrivih bħala “rekord,’ hekk kif din hija l-ogħla figura rreġistrata fl-aħħar 25 sena.

Fil-fatt, l-istħarriġ juri li 68% tal-Ewropej huma tal-fehma li pajjiżhom ibbenefika minn sħubija fl-UE. Malta hija t-tieni wara l-Irlanda f’din il-konvinzjoni, b’91% tar-rispondenti jemmnu li l-pajjiż ibbenefika.

L-istħarriġ jisħaq li dawn iċ-ċifri jikkonfermaw li t-tħassib dwar l-impatt ta’ Brexit qiegħed kull ma jmur jikber.

Madanakollu, kienu 48% li jħossu li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-Unjoni Ewropea, sentiment li donnu qed jonqos aktar ma jgħaddi ż-żmien. Minkejja dan, il-maġġoranza tal-Maltin, 51%, iħossu li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-UE.

Anke jekk l-appoġġ qed jikber, ma jfissirx li kollox huwa ward u żahar.  Nofs dawk li wieġbu mhumiex kuntenti bid-direzzjoni li qed tieħu l-UE, b'riżultat simili fir-rigward tal-pajjiż tagħhom stess.

Il-maġġoranza tal-poplu Malti għadu sodisfatt bil-mod kif id-demokrazija taħdem fl-UE, iżda dan il-persentaġġ naqas bi 8 punti. 

Dwar tal-immaġni tal-Parlament madwar l-UE, terz (32%) għandhom perċezzjoni pożittiva, wieħed minn ħamsa (21%) opinjoni negattiva, u maġġoranza relattiva (43%) jibqgħu newtrali. 40% tal-Maltin għandhom immaġni pożittiva tal-PE.

Jiżdiedu bi 11% il-Maltin li huma mħassba bl-immigrazzjoni

44% tal-Ewropej għadhom ma jafux meta se jsiru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej. Il-Maltin juru għarfien ogħla mill-medja Ewropea b'58% diġà jafu meta se jsiru l-elezzjonijiet li jmiss.

L-ogħla prijorità għall-Maltin għall-elezzjonijiet Ewropej li jmiss tibqa' l-immigrazzjoni. 76% qalu li dan huwa t-tħassib ewlieni tagħhom, 11-il punt iktar minn April.

More in Politika