‘Il-bejgħ tal-passaporti jkompli jżid il-pressjoni fuq is-settur tal-proprjetà’

Ir-rapport ikkritika kif is-sistema ta’ Malta tagħti lok sabiex applikanti bi sfond kriminali xorta waħda japplikaw u jingħataw iċ-ċittadinanza

F’rapport konġunt ippubblikat din il-ġimgħa minn ‘Transparency International’ u ‘Global Witness’, li fih ġew analizzati b’reqqa l-programmi kollha ta’ passaport b’investiment disponibbli fl-Unjoni Ewropea; ġie nnotat kif “ħafna esperti huma tal-fehma li dawn il-programmi qed ikomplu jżidu l-pressjoni fuq is-settur tal-proprjetà.”

Fil-kuntest ta’ Malta, ir-rapport għamel referenza ċara għal rapport ieħor li kien ippubblikat fi Frar ili għadda mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF). Dak iż-żmien l-IMF kienu qalu li l-proprjetà f’Malta hi “stmata żżejjed” u li x-xiri ta’ proprjetà minn applikanti tal-programm taċ-ċittadinanza jista' jkun wassal għal ‘bużżieqa tal-proprjetà.’ Bużżieqa fil-qasam għall-proprjetà jfisser illi l-forniment tal-proprjetà jkun jeċċedi d-domanda tas-suq kuntrarjament għas-sitwazzjoni li għandna bħalissa. Ta’ min ifakkar li sabiex wieħed ikun eliġibbli għall-programm ta’ investiment jeħtieġ li jixtri proprjetà jew inkella jikri proprjetà f’Malta.

Ir-rapport semma kif analisti finanzjarji qed jinnutaw ukoll li fi bliet bħal Limassol, f’Ċipru u Lisbona fil-Portugall dawn il-programmi qed jikkontribwixxu għall-pressjoni fis-settur tal-proprjetà.

Il-kwistjoni ta’ kirja fil-belt ta’ Limassol hi kwistjoni politika taħraq ferm hekk kif diversi gruppi ta’ attivisti sikwit jorganizzaw protesti sabiex jiġu kkontrollati l-kirjiet li raw żidiet fenominali u li skont ħafna residenti qed tiġi kkaġunata minn influss kbir ta’ miljunarji, ħafna minnhom Russi li xtraw iċ-ċittadinanza Ċiprijotta. Tant hu hekk li ħafna Ċiprijotti saru jirreferu għal din il-Belt bħala ‘Little Moscow.’

Ċittadinanza anke jew għandek rekord kriminali?

Ir-rapport ikkritika kif is-sistema ta’ Malta tagħti lok sabiex applikanti bi sfond kriminali xorta waħda japplikaw u jingħataw iċ-ċittadinanza u residenza ġewwa Malta. Dan għaliex skont dan ir-rapport, l-applikanti propsettivi b’rekord kriminali jistgħu xorta waħda jiġu kkunsidrati għaċ-ċittadinanza taħt klawsola ta’ ċirkustanzi speċjali.

6,000 ċittadin u 100,000 resident f’10 snin

Skont l-informazzjoni pprovduta f’dan ir-rapport, f’temp ta’ 10 snin fl-UE, iktar minn 6,000 ċittadin u kważi 100,000 resident ġdid applikaw għal dawn l-iskemi.

Spanja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Portugall u r-Renju Unit huma l-aktar pajjiżi li minnhom ħarġu dawn il-permessi. Wieħed jinnota li Malta u l-Awstrija huma l-uniċi pajjiżi li f’dawn l-iskemi li jippubblikaw il-listi taċ-ċittadini u r-residenti ġodda.

X’inhi l-ispiża medja ta’ ċittadinanza fl-UE?

Ir-rapport isemmi kif l-ispiża medja ta’ ċittadinanza jew residenza fl-UE hi ta’ €9,000,000. Din il-figura hi ħafna aktar minn investimenti ta’ ċittadinanza popolari oħra bħal dawn fil-Granada u Saint Kitts li jiswew madwar, €150,000-€400,000 u €150,000-€350,000 rispettivament.

Figura li tesponi l-importanza ta’ passaport tal-Unjoni Ewropea.

‘Il-bejgħ ta’ passaporti jipperikola mhux biss iċ-ċittadini iżda l-UE kollha’

Fir-rapport tagħhom, huma saħqu li l-pajjiżi li jiffaċilitaw il-bejgħ tal-passaporti qegħdin mhux biss jitfgħu ċ-ċittadini tagħhom f’periklu iżda anke membri stati oħra tal-Unjoni Ewropea u l-operat tal-UE inġenerali.

X’inhuma talbiet tagħhom lill-UE?

Skonthom l-UE għandha ddaħħal fis-seħħ sett ta’ standards li jkunu japplikaw għall-istati membri kollha. Dawn l-istandards għandhom jgħinu biex jżidu diliġenza dovuta, trasparenza u iktar miżuri biex jipprevjenu l-abbuż ta’ dawn l-iskemi mill-korruzzjoni u l-kriminalità. Apparti minn hekk jiżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-UE huma konxji tar-riskji u l-benefiċċji maħluqa minn dawn l-iskemi.

Apparti minn dan, huma qed jitolbu lill-UE, sabiex tistabbilixxi sistema ta’ qsim ta’ informazzjoni dwar applikanti li jkunu ġew irrifjutati. Talbu wkoll sabiex l-UE tibda twettaq proċeduri legali kontra stati membri li joffru dawn l-iskemi iżda fl-istess waqt jipperikolaw il-valuri u l-għanjiet tal-istess unjoni.

Intant huma għamlu sejħa lill-UE sabiex, ikun hemm aktar informazzjoni u dokumenti provduti mill-applikant li mbagħad jiġu vverifikati mill-aġenziji tal-Gvern u li jiġu ppubblikati l-applikazzjonijiet kollha bl-isem u n-nazzjonalità tal-applikant.

€25 biljun f’investiment minn dawn il-programmi f’10 snin

Skont ir-rapport, mill-2008 ’l hawn dawn il-programmi ta’ residenza u ċittadinanza madwar l-UE ġġeneraw mal-€25 biljun f’investiment barrani.

Minkejja dan, seba’ minn 17-il programm għadhom ma żvelawx kemm irċevew flus. Spanja, il-Portugall, Ċipru u r-Renju Unit huma l-aktar pajjiżi li jirċievu dħul minn dawn il-programmi, bi dħul medju ta’ €976 miljun, €670 miljun, €914 miljun u €498 miljun rispettivament.

Ir-rapport innota wkoll li, il-figuri finanzjarji għall-ekonomiji żgħar bħal Malta u Ċipru huma impressjonanti.

X’kienet ir-risposta tal-Gvern?

Ftit wara li ġie ppubblikat dan ir-rapport il-Gvern ħareġ stqarrija li fiha spjega kif, bħala Gvern, jaqblu li jidħol fis-seħħ dan is-sett ta’ standards madwar l-istati membri tal-UE li ġew proposti fir-rapport.

Apparti minn hekk il-Gvern fakkar kif Malta kienet ilha tisħaq fuq aktar kooperazzjoni bejn ġurisdizzjonijiet differenti minn qabel ħareġ dan ir-rapport. Fl-istess waqt, il-Gvern Malti laqa’ t-talba tar-rapport sabiex tiġi mwessa' l-liġi kontra l-ħasil tal-flus sabiex tinkludi wkolli l-aġenti.

Minkejja dan, il-Gvern xtaq ifakkar li 70% tal-flus kollha ġejjin minn dan il-programm se jintużaw għall-inizjattivi li minnhom se jibbenifikaw il-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri.

More in Politika