'Għada l-mafja terġa ssibna hawn...' - Manuel Delia

Dimostrazzjoni f'għeluq is-sena mill-qtil ta' Daphne Caruana Galizia trattira folla mdaqqsa tgħajjat 'ġustizzja...ġustizzja' 'Daphne...Daphne'

Manuel Delia jindirizza lill-folla preżenti...
Manuel Delia jindirizza lill-folla preżenti...

Folla ta’ ftit eluf ta’ nies imlew iż-żona ta’ ħdejn il-Qrati llejla biex ifakkru s-sena mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Bosta żammew diversi  messaġġi fosthom wieħed li indirettament jistaqsi lill-PM Joseph Muscat jekk verament għamilx dak kollu li seta’ jagħmel biex isolvi l-qtil u oħrajn li jappellaw biex 'il-futur ta' wliedna ma jinbiegħx'.

Il-folla mxiet mill-bidu ta’ Triq ir-Repubblika sa’ ħdejn il-Qrati fost għajjat ta’ ‘ġustizzja, ġustizzja.’ Malli waslet fil-pjazza u nkixef strixxun b’wiċċ Daphne Caruana Galizia, il-folla nfexxet f’ċapċipa twila, filwaqt li wħud bdew jgħajtu ‘Daphne...Daphne’.

Ġurnalista minn Reporters Without Borders saħqet illi l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia mhux se jintesa’ “sakemm dawk li qatlu u ppjanaw l-attakk jinġiebu quddiem il-ġustizzja. Hawnhekk qed nitkellmu dwar id-dritt li ġurnalist jikteb u jirraporta."

Ritratt  | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi
Ritratti ta' Daphne Caruana Galizia waqt id-dimostrazzjoni fil-Belt Valletta | Ritratt: James Bianchi
Ritratti ta' Daphne Caruana Galizia waqt id-dimostrazzjoni fil-Belt Valletta | Ritratt: James Bianchi

Hi sostniet li isem Caruana Galizia se jibqa’ jissemma, għal dejjem ta’ dejjem mhux biss f’Malta imma wkoll madwar id-dinja.

Ġurnalista oħra, Courtney Radsch din id-darba mill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti  sostniet illi hija tal-mistħija li għadu ma nqabadx il-mandant tal-qtil u sostniet li għandu jkun ċar lill-Avukat Ġenerali u l-awtoritajiet Maltin kollha, li l-fatt li għadu ma nstabx min qatel lil Caruana Galizia mhix aċċettabbli.

Carles Toner minn PEN International sostna li fir-Russja ta’ Putin u fit-Turkija ta’ Erdogan jitneħħa mafkar, bħalma ġara 21 darba f’pajjiżna fil-każ tal-fjuri u xemgħat li jfakkru lil Daphne Caruana Galizia u wissa biex l-istrixxun li ttella’ llejla ma jerġax jitneħħa.

Manuel Delia,  li huwa wieħed mill-imħuħ tal-kampanja li tfakkar lil Caruana Galzia, qal illi l-legat ta' pajjiżna ta’ ħafna snin qed jitkisser. "Serraħna rasna għax dħalna fl-Unjoni Ewropea...għalina li ħsibna li fl-Ewropa insibu l-ħelsien, qatt ma ħsibna li ġurnalista tinqatel għax kienet qed tagħmel xogħolha,” sostna Delia.

Ritratt  James Bianchi
Ritratt James Bianchi
Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

“Sena wara ejja nieħdu kont...min ħ*xa mexa,” sostna Delia għad-daħk ta’ dawk preżenti. “Waħdek jew ma’ oħrajn fejn trid li ruħek tkun? Anke jekk naf li ma nirbaħ qatt irrid nibqa’ fuq in-naħa tas-sewwa,” sostna Delia, “għax ma rridx ngħatti l-intiena li qed ngħix fiha bil-fwieħa tal-flus...għax it-tama tiegħi hija li kull darba li nipprotesta, kull darba li niġi hawn u nitfa’ fjuri li naf li se jneħħu, kull darba li ngħid il-verità u jgħajjruni traditur...kull darba inkun għidt il-verità, inkun għidt il-verità miegħi nnifsi.”

“Għada l-mafja terġa ssibna hawn, armati bir-rieda biex fejn inkunu aħna tibqa’ ssaltan is-sewwa."

Marion Pace Axiaq, eks Kanditata tal-PN, sostniet li min huwa mwerwer minn Daphne qed jagħmel minn kollox biex inessieha. Hija sostniet illi ż-żmien ta' bħalissa qed ifakkarha fis-snin 80.

“Kieku għandna farka tal-kuraġġ li kellha Daphne, kieku illum Malta hija differenti.”

"Dawn (Gvern Laburista) ħalfu li jridu jkissru lill-persuna li qed tiġġieled il-ġliediet ta' Daphne," sostniet f'referenza għal Simon Busuttil, "imma aħna mhux se nħalluh waħdu," qalet għall-applaws qawwi minn dawk preżenti. 

"Mwerwrin li toħroġ il-verità," qalet Pace Axiaq f'referenza għat-tneħħija tax-xemgħat u fjuri minn ħdejn ir-ritratti ta' Daphne Caruana Galizia quddiem il-Qorti. 

Ranier Fsadni qal li min suppost qed iġib ruħu bħala qaddej, qed iġib ruħu ta' sid tal-poplu u sostna illi meta ngħalqu l-anniversarju tad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, pajjiżi fl-UE se jkunu qed jistaqsu jekk pajjiżna fil-fatt għandux jibqa' stat membru. "Aħna nemmnu fil-verità u fil-ġuztizzja," sostna Fsadni. 

Tkellmet ukoll Pia Zammit minn #Occupyjustice li sostniet illi pajjiżna ħaqqu aħjar u qalet li m'għandniex naċċettaw il-korruzzjoni.

 

More in Politika