Intervista | ‘Il-Kampanja ‘Il-pinna tirbaħ il-biża’ kienet biss illużjoni’

Sena wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, l-ILLUM titkellem mal-attivist Robert Aqulina

Robert Aquilina, attivist tas-Civil Society Network, jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ILLUM fl-ewwel anniversarju mill-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

1. Il-fatt li sena wara l-assassinju, il-mandant għadu mhux magħruf, taħseb li huwa frott nuqqas ta’ rieda, nuqqas ta’ effiċjenza fis-sistema jew inkella frott il-kumplessità tal-każ?

Il-fatt li f’mumenti kruċjali tal-investigazzjonijiet ir-raġel ta’ Ministru tal-Gvern kellu sehem ewlieni fl-istħarriġ tal-Pulizija fir-rigward ta’ dan l-assassinju flimkien mal-fatt li l-Gvern għamel minn kollox biex din l-abnormalità tibqa’ sseħħ huma provi ċari li l-investigazzjonijiet ma tħallewx isiru kif wieħed jistenna fejn teżisti s-saltna tad-dritt.

Barra minn hekk, huwa evidenti li l-awtoritajiet Maltin illimitaw l-involviment attiv u ferm siewi ta’ awtoritajiet investigattivi barranin għall-istħarriġ relattiv għall-eżekuturi materjali u forsi l-intermedjarji ta’ dan l-assassinju u ma fittxewx tali għajnuna sabiex jinvestigaw il-possibilità li l-mandant huwa politiku.

Anke l-mod spettakolari li bih tħabbru l-arresti tal-persuni li ġew akkużati bit-twettiq tal-assassinju u l-fatt li sirna nafu bl-arresti mill-Prim Ministru, minflok mill-Pulizija, jindikaw affinità mhux f’lokha bejn il-Gvern u l-Pulizija.

Huwa evidenti li minn kmieni ħafna fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija ġiet skartata l-possibilità li xi politiku kien il-mandant. Ir-riskju hu li jinqabad l-intermedjarju jew l-persuna li ppjanat l-assassinju u minflok jingħad lilna li kien il-mandant.

2.  X’taħseb li huwa l-akbar wirt li ħalliet warajha Daphne Caruana Galizia? Taħseb li l-impatt tagħha fuq il-ġurnaliżmu ta’ pajjiżna kien tajjeb jew ħażin? 

F’pajjiż fejn il-ġurnaliżmu investigattiv huwa rarità, Daphne spikkat għad-determinazzjoni li tikxef l-użu tal-politika għall-fini ta’ abbuż. Irnexxielha tagħmel dan billi permezz tar-Running Commentary ħolqot kuntatt dirett mal-pubbliku u b’hekk żgurat li ma jkollha lil ħadd li jagħmlilha sarima ma’ ħalqha. 

Daphne kixfet il-ħakma tal-korruzzjoni fuq pajjiżna, mhux li l-korruzzjoni bdiet f’Marzu tal-2013, iżda li minn dakinhar il-korruzzjoni f’Malta laħqet livell bla preċedent. F’dan ix-xenarju nemmen li l-wirt li ħalliet Daphne jikkonsisti fiż-żerriegħa li żergħat fost il-qarrejja tagħha u li nibtet fost uħud minnhom, iż-żerriegħa ta’ ġlieda kontra l-abbuż tal-poter, ikun fejn ikun ġej.

Bil-kampanja ‘Il-Pinna tirbaħ lill-Biża’’ fil-jiem ta’ wara l-assassinju ngħatat l-impressjoni li ser isir sforz ġurnalistiku kollettiv sabiex jitkompla x-xogħol investigattiv tagħha. Iżda din kienet biss illużjoni. Ħafna għadhom saħansitra jiċħdu li Daphne Caruana Galizia kienet ġurnalista. 

3Il-fatt li għaddejjin proċeduri kriminali u anke għaddejja inkjesta maġisterjali, taħseb li huwa biżżejjed? Hemm bżonn inkjesta pubblika u indipendenti mill-awtoritajiet Maltin kif qed titlob il-familja Caruana Galizia?

Il-bżonn għal inkjesta pubblika u indipendenti mill-awtoritajiet Maltin saret neċessità. Huwa evidenti li l-Pulizija dejjem qagħdu ’l bogħod milli jistħarrġu attivament l-involviment ta’ politiċi f’dan l-assassinju.

4. Taħseb li l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant tappnu x-xogħol ta’ Caruana Galizia u r-reputazzjoni tagħha bħala ġurnalista investigattiva?

Jien konvint li l-istorja tal-Egrant għadha trid tinkiteb. Barra minn hekk, diversi partijiet mill-konklużjonijiet tal-inkjesta ngħataw tifsira totalment falza mill-Gvern.

F’pajjiż fejn, minkejja li kważi l-poplu kollu hu konvint li l-politika hi maħkuma mill-korruzzjoni, l-ebda deputat parlamentari qatt ma nstab ħati ta’ att ta’ korruzzjoni, kont niskanta li kieku l-konklużjonijiet tal-inkjesta kienu jkunu differenti.

5. Fid-dawl tal-kwistjoni dwar il-fjuri u x-xemgħat li qed jitpoġġew u jitneħħew minn quddiem il-Qorti, taħseb li għandu jkun hemm ‘mafkar’ fiss għal Daphne Caruana Galizia? Fejn taħseb li għandu jsir?

Nemmen li sakemm tkun saret ġustizzja sħiħa fir-rigward tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u tal-abbużi ewlenin li hi kixfet għandha tibqa’ fis-seħħ il-protesta għall-ġustizzja quddiem il-Qrati. Ma jeżisti l-ebda sostitut adekwat għal dan il-post.

Jekk dan l-għan jintlaħaq, allura jkun jagħmel sens li jsir mafkar għaliha f’post prominenti. Però fil-preżent din il-possibilità hi ta’ importanza sekondarja.

More in Politika