'Aħna rridu l-verità sħiħa' - Il-Kummissjoni Ewropea

Fl-ewwel anniversarju mill-qtil ta' Caruana Galizia, il-Kummissjoni Ewropea saħqet dwar l-importanza tal-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni u l-midja ħielsa

“Aħna rridu l-verità sħiħa.” Dan kien il-messaġġ tal-Kummissjoni Ewropea fl-ewwel anniversarju mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija konġunta, l-ewwel viċi President Timmermans, il-Viċi President Ansip u l-Kummissarji Jourová u Gabriel, saħqu li dan huwa jum fejn l-Ewropa għandha tieqaf minuta u taħseb dwar dak li ngħożżu: id-dritt tagħna li nitkellmu b'mod ħieles.

Huwa saħqu dwar l-importanza tal-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni u l-midja ħielsa.

“ Id-demokrazija ma tistax teżisti jekk il-ġurnalisti ma jkunux jistgħu jirrapportaw liberament, jekk ikunu suġġetti għal ċensura, jekk huma ma jitħallewx jikkritikaw lil dawk li għandhom il-poter speċjalment jekk jiġu intimidati, iffastidjati, mhedda u xi kultant anki jiġu maqtula talli jkunu qed jagħmlu xogħolhom. L-impjieg tagħhom huwa pilastru li fuqu tiddependi d-demokrazija,” saħqet il-Kummissjoni.

Kien hawn li ħeġġet ukoll dwar il-protezzjoni li għandha tingħata lis-sorsi li “jiddependu fuqna biex nipprovdulhom is-sigurtà tagħhom, u ma nistgħux nonqsuhom.”

Temmew jisħqu li ma jridux li dawn nil-każijiet ikollhom effett negattiv fuq il-libertà tal-mezzi tax-xandir.

“Huwa għalhekk li persuni responsabbli għal dawn l-assassinji għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja. Aħna rridu l-verità sħiħa. Jeħtieġ li nibagħtu sinjal ċar lill-ġurnalisti kollha: huwa sikur li taħdem fl-Ewropa. Jekk il-ġurnalisti jiġu msikkta, tispiċċa d-demokrazija. Dan mhux se jseħħ fl-Ewropa. Mhux sakemm hawn aħna,” temmet tgħid il-Kummissjoni.

More in Politika