Daphne: Kontroversjali f’ħajjitha...aktar u aktar wara mewtha

Sena wara l-qtil brutali ta' Daphne Caruana Galizia, il-gazzetta tagħti ħarsa lejn iż-żewġt uċuh tagħha: dak ta’ ġurnalista li kixfet stejjer li heżżu Gvern u l-ieħor ta’ mara xi ftit jew wisq mgħomja bil-preġudizzju politiku

Daphne Caruana Galizia. Bħal-lum sena seħħet splużjoni li lilha ħallietha mbiċċra u lill-poplu maħsud. Anke jekk il-vittma kienet mara maħbuba minn bosta iżda mibgħuda minn bosta oħrajn, il-qtil tagħha kiesaħ u biered ħasad u sa ċerta punt għaqqad nazzjon. Naturalment dan ġara sakemm għadda x-xokk u reġgħet bdiet il-ħajja normali u Daphne Caruana Galizia reġgħet bdiet tattira l-istess tip ta’ reazzjonijiet estremi, din id-darba anke f’mewtha.

Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma kienx l-ewwel tat-tip tiegħu, fil-fatt kienu seħħu madwar ħames inċidenti ta’ karozzi bomba li l-ebda wieħed, sal-lum, għadu mhu solvut. Kien u għadu uniku iżda għaliex hija l-ewwel darba li seħħ qtil ta’ ġurnalist f’Malta u allura dan tefa’ ħafna dawl u anke pressjoni fuq Malta, b’mod speċjali fil-Parlament Ewropew. Il-qtil ta’ Caruana Galizia kien imxandar mal-erbat irjieħ tad-dinja, xi ħaġa li ma tantx għamlet favuri lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. 

Daphne Caruana Galizia, kienet u għadha figura diviżiva li tqanqal emozzjonijiet estremi, ironikament bħall-aktar persuna li kienet tobgħod, jiġifieri l-eks Prim Ministru Laburista Dom Mintoff. Caruana Galizia tqanqal reazzjonijiet li huma bħal poli, wieħed naħa u l-ieħor  in-naħa l-oħra. Fil-fatt matul din is-sena, ftit li xejn saru attentati ta’ analiżi oġġettiva tal-mara, analiżi li tmur lil hinn mill-ammirazzjoni u t-tifħir ta’ dawk li kienu jaqrawha, isegwuha u jieħdu dak li kienet tgħid bħala vanġelu u li kienu jaqsmu l-istess sentiment ta’ klassi u politika liberali bħalha u dawk li jobgħoduha b’passjoni u li jaraw fiha l-antiteżi ta’ dak kollu li jikkaraterizza lill-Malti.

F’għeluq is-sena mill-qtil tagħha din il-gazzetta se tagħti ħarsa lejn ir-reazzjoni li din il-mara ħolqot. Iż-żewġt uċuh tagħha; dak ta’ ġurnalista li kixfet stejjer li heżżu Gvern u anke ċrieki ta’ kriminali, b’kitba inċiżiva, u l-ieħor ta’ mara xi ftit jew wisq mgħomja bil-preġudizzju politiku u klassist, bla skrupli, bla ħniena u bla rimors lejn dak kollu li ma kienx joqgħod tajjeb fl-istampa tagħha ta’ dak li hu aċċettabbli.

Għalhekk din il-gazzetta tat ħarsa lejn iż-żewġ estremitajiet billi poġġiethom viċin xulxin, biex b’hekk tagħti stampa aktar ċara u oġġettiva ta’ din il-mara, ġurnalista u omm.

Iħobbuha għax...

  • Dawk li jħobbuha u jammirawha, l-aktar li jagħmlu dan minħabba l-istorja illi kixfet kif ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-PM, Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi, kienu fetħu kumpanija fil-Panama. Caruana Galizia żvelat din l-istorja grazzi wkoll għall-kuntatti tal-familja li kellha fl-ICIJ li ftit ġranet wara kienu kixfu kull min kellu kont il-Panama miftuħ permezz ta’ Mossack Fonseca. Din kienet waħda mill-ikbar stejjer fl-aħħar snin u l-għerq ta’ ħafna dubji fuq il-Gvern, ir-reputazzjoni tiegħu u tal-pajjiż. Il-Partit Nazzjonalista mexxa kampanja sħiħa b’bosta mistoqsijiet dwar l-intenzjoni wara l-ftuħ ta’ dawn il-kontijiet. Dak li żvelat l-ewwel Caruana Galizia kiber fi kwistjoni li ddominat ix-xenarju politiku għal sentejn sħaħ u li dwarha hemm numru ta’ inkjesti għaddejjin fil-Qorti.
  • Iħobbuha għax wieġbet il-mistoqsija dwar Egrant Inc u għadhom jemmnu li Egrant hija jew setgħet kienet tal-PM Joseph Muscat. Fil-fatt l-allegazzjoni Egrant ippersonifikat l-istrateġija ta’ Daphne Caruana Galizia. Kien hemm binja sħiħa, b’aspettativi kbar, stennija twila mbagħad, tefgħet l-allegazzjoni. Mill-ewwel bdiet kampanja mill-Partit Nazzjonalista u talba biex il-PM jirreżenja u jkun interrogat. Caruana Galizia bniet din l-allegazzjoni fuq ix-xhieda li allegatament tatha Maria Efimova u baqgħet tinsisti li Egrant kienet ta’ Michelle Muscat u li minnha għaddew mal-miljun dollaru. Dawk li jammirawha jew ħafna minnhom għadhom qed jagħtuha l-benefiċċju tad-dubju minkejja li l-inkjesta tgiddeb jew tgħid li ma sabitx biżżejjed provi dwar l-allegazzjoni. Egrant ma kinitx ir-raġuni waħedha, imma kienet parti mir-raġuni għaliex morna għal elezzjoni sena qabel iż-żmien. Kienet Caruana Galizia li prattikament wittiet it-triq li bosta ħasbu li biha l-PN seta’ jerġa’ jkun fil-Gvern.
  • Tħobbha jew tobgħodha Daphne kienet kittieba prima klassi. Kellha l-kapaċità li tgħaddi messaġġ, li tgħaddih fil-qosor u li toqros b’sarkażmu artikolat fl-ifjen forma tiegħu. Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex bosta jammiraw lil Caruana Galizia. Il-qarrejja ta’ Caruana Galizia kienu ġeneralment iktar litterati u allura setgħu jifhmu aħjar u japprezzaw l-ironija, is-sarkażmu goff u anke l-messaġġi sottili li jkunu qed jintbagħtu. L-istil ta’ Caruana Galizia kien uniku u allura segwit ħafna.
  • Imma apparti l-istil, ħafna drabi Daphne Caruana Galizia kienet ittella’ ritratti ta’ persuni sejrin jew waqt li qegħdin mass meeting tal-Labour. Kienet speċifikament tagħżel lil dawk in-nies li huma l-anqas attraenti u li l-inqas li għandhom sens ta’ moda. Kienet tagħżilhom apposta, biex ittella’ fuq il-blog li kienet tmexxi u titfagħhom fiċ-ċirku taż-żufjett, mhux għax kien verament jimpurtaha li twaqqa’ lil dawn iċ-ċittadini għaż-żufjett, imma għax riedet twaqqa’ għaż-żufjett lill-Partit Laburista. Dan setgħet tagħmlu għax tħares jew tqis li kellha udjenza li kienet ġejja minn klassijiet iktar għolja u li kienet tirrigwarda lil-Laburisti bħala ‘ħamalli’. Dawn ir-ritratti kienu sempliċiment (u b’suċċess) qed jinforzaw l-isterjotip. L-udjenza ġenerali u leali tagħha jidher li mill-isterjotip l-aktar li kien jinteressaha, kieku ma kienx hekk ma kinitx taqla’ tifħir għal dawk it-tip ta’ blogs.
  • Daphne Caruana Galizia bniet il-karriera tagħha, prinċipalment, fuq stejjer kontra l-Partit Laburista. Iżda, kellha wkoll stejjer u kummentarju li kienu kontra individwi fil-Partit Nazzjonalista. Pereżempju, mhux sigriet li kienet fetħet attakk kontra l-eks President u eks Viċi Prim Ministru Guido De Marco, kif kienet ukoll ikkritikat lil Simon Busuttil fl-ewwel xhur tiegħu għax akkużatu li bilkemm kien qed jagħmel ħoss. Caruana Galizia iżda fetħet il-kanuni l-aktar fuq Adrian Delia, meta ppubblikat allegazzjonijiet li kellu kont f’Jersey illi minnu kienu għaddejjin flus mill-prostituzzjoni f’Londra, allegazzjonijiet li Delia ċaħad. Malli kien elett kap tal-PN, Daphne fetħet il-kanuni kontra l-PN. Prattikament għall-ewwel darba b’dik il-qawwa. Naturalment minkejja li baqgħet l-akbar avversarju tal-Partit Laburista, l-attakk fuq Delia taha l-kredenzjali ta’ ġurnalista ‘li tikkritika liż-żewġ partiti’ u li ma tarax kulur politiku, anke jekk il-problema tagħha kien dan l-individwu, iktar minn kollox.
  • U finalment il-qtil tagħha nnifsu ta lil dawk li jħobbuha u jammirawha raġuni biex għall-ewwel darba jkollhom raġuni għall-eżistenza politika u soċjali tagħhom. Il-qtil ta skop b’saħħtu lil dan il-grupp ta’ votanti, kbir biżejjed biex jhedded l-eżistenza tal-Partit Nazzjonalista kif nafuh illum. Ma’ dawk li jsegwuha l-qtil ta’ Caruana Galizia poġġieha fuq pedestall, minn fejn mhux se titniżżel u li ssolidifika l-ġlieda tagħhom kontra l-avversarju, illum ippersonifikat f’Joseph Muscat u t-tmexxija tal-pajjiż, flimkien ma’ Adrian Delia. Għal dawn in-nies Caruana Galizia hija d-dawl li jiggwidahom u l-mara tal-azzar li ma beżgħetx mill-avversarju, mit-theddid u mill-mewġa ta’ kundanni ġejjin minn kull rokna tal-pajjiż.

Jobogħduha għax...

  • Ftit ġimgħat ilu l-Maġistrat Aaron Bugeja ppubblika rapport li sab illi ma kien hemm ebda evidenza li torbot Egrant Inc ma’ Michelle Muscat. Aktar minn hekk sab ukoll li fuq id-dikjarazzjoni li suppost kienet turi illi l-kumpanija Egrant Inc. kienet ta’ Muscat kien fiha firem foloz. Sab ukoll diskrepanza serja bejn dak li qaltlu Caruana Galizia u Efimova, b’tal-ewwel tgħid li kienet Efimova li wrietha d-dikjarazzjoni l-ewwel u Efimova tgħid li kienet Caruana Galizia li wrietha d-dikjarazzjoni l-ewwel. Għalkemm ir-rapport għadu mhux pubbliku fl-intier tiegħu, il-konklużjonijiet kienu pjuttost dannużi. Għal dawk li m’għandhomx grazzja jew saħansitra jobogħdu lil Caruana Galizia din l-istorja kixfet il-qerq ta’ dik li jarawha bħala blogger u strateġista tal-Partit Nazzjonalista. Għal dawn ta’ Egrant kienet fabrikazzjoni magħmula biex tneħħi gvern elett demokratikament. Għalhekk il-konklużjonijiet issodaw l-idea jew perċezzjoni li Caruana Galizia ma kinitx ġurnalista, imma aġent tal-mibgħeda u l-gideb.
  • Imma ħafna qabel Egrant, Daphne Caruana Galizia kienet qed tiżvela dettalji dwar il-kanċer ta’ Alfred Sant, kienet qed tippubblika dettalji dwar iż-żwieġ tiegħu u tikteb analiżi sħiħa dwar il-parrokka tiegħu. L-isparaturi politiċi tagħha lejn Sant kienu personali u parti minn kampanja li permezz tagħha l-immaġini ta’ Sant tiġi mtebba’. Imma, Sant mhux l-uniku wieħed. Caruana Galizia rriservat l-agħar attakki fuq kull mexxej Laburista. Meta miet l-ikona Laburista Dom Mintoff hija qalet hekk: ‘Glory, Glory Hallelujah...Dom Mintoff kien disgustanti u raġel ta’ mibgħeda, miġnun assolut, il-Muammar Gaddafi ta’ Malta u ejja ma nippretendux mod ieħor għax miet...’ Dan ifisser illi Caruana Galizia ħaditha kontra dak li għal ħafna nies kien meqjus kważi Alla u definittivament meqjus minnhom bħala salvatur.
  • Fil-każ ta’ Joseph Muscat u allura dak il-mexxej li bħalissa u għal dawn l-aħħar snin kellu appoġġ massiċċ fil-pajjiż, l-artikli u l-kritika ma baqgħetx limitata għall-politiku nnifsu iżda nfirex fuq il-mara u t-tfal. Daphne Caruana Galizia kienet kitbet diversi drabi tgħid l-ismijiet Etoile u Soleil huma taż-żufjett, apparti li kitbet bosta artikli oħrajn illi fihom iddieħket bl-istil ta’ Michelle Muscat, bl-ilbies xi kultant estravaganti li tilbes u fejn mar jixtri x-xufier tagħha u naturalment akkużatha li hija sidt kumpanija fil-Panama. Għal dawk li jobogħodu, imma mhux biss, lil Caruana Galizia dawn kienu attakki mill-aktar faħxija għaliex huma mmirati lejn l-aktar innoċenti. Naturalment Muscat u l-PL uża din il-kritika biex jakkumula aktar simpatija lejh u lejn il-mexxej  u biex ibiegħed aktar lin-nies mill-ġurnalista, strateġija li fil-fatt kienet suċċess.
  • Dak li jogħġob lil bosta f’termini ta’ kitba u klassi, idejjaq u jnaffar oħrajn. Fil-fatt taħt l-istmerrija lejn Caruana Galizia mibnija fuq il-kontenut tal-artikli tagħha, kien hemm antipatija ovvja klassista wkoll. Minn dawk li ftit kellhom imħabba lejha bħala persuna Caruana Galizia kienet meqjusa mneħirha mxammar, ‘minn Tas-Sliema’, ‘tal-pepè’, ‘kiesħa’ u b’laqam kważi perpetwu ta’ ‘saħħara’. Ħafna kienu jaraw fiha dak kollu li huwa ‘anti-Malti’. Kontra l-festi, kontra użanzi partikolari Maltin, kontra l-kaċċa, kontra l-mod kif jieklu u jilbsu l-Maltin. Anke jekk din kienet perċezzjoni, kienet perċezzjoni b’għeruq fondi ħafna mibnija fuq l-idea li minkejja kollox Daphne kienet tappa importanti f’establishment li kien ilu fil-gvern kważi 25 sena.
  • Il-qtil ta’ Caruana Galizia ħadem il-kontra, fil-każ ta’ dawn in-nies. Waqt li dan l-att barbaru tella’ lil Caruana Galizia fuq pedestall ma’ dawk li kienu u għadhom iħobbuha, il-mixjiet, stqarrijiet u l-azzjonijiet ta’ luttu waslu għal riżentiment qawwi u li qed jiżdied fost dawk li qatt ma ġerħuha. Filwaqt li kulħadd kien ixxukkjat fil-bidu, iktar ma bdew jiżdiedu s-swaba’ ppuntati lejn il-Gvern u iktar kemm tpoġġew xemgħat u fjuri, aktar żdied ir-riżentiment lejha. Dan probabilment huwa frott tal-fatt illi minkejja li ħafna mhumiex lesti qatt jaċċettaw l-att tal-qtil, lanqas jistgħu jaċċettaw li Caruana Galizia titpoġġa fuq pedestall.
  • U finalment, hemm sezzjoni ta’ Nazzjonalisti li jobgħodu lil Caruana Galizia. Dawk li huma qrib Delia u li appoġġjawh kienu u għadhom jaraw lil Caruana Galizia bħala theddida lejn il-kariga ta’ Delia. Fil-fatt għalkemm hi mejta, Daphne hija l-fattur ewlieni li qed iħalli lil Delia minn taħt f’termini ta’ popolarità.

More in Politika