Rapport lokali jmeri lil La Repubblica; 'Darmanin ma ċempilx lil Cardona'

The Malta Independent tisħaq li sorsi viċin l-investigazzjoni kkonfermaw li mhux veru li l-Ministru Cardona rċieva telefonata mingħand Pierre Darmanin ftit tal-ħin wara li ċempel lill-aħwa Degiorgio

Il-ġurnat The Malta Independent irrapporta li t-telefonata, li qed ikun allegat li saret bejn Pierre Darmanin u l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona, ftit wara li Darmanin ċempel lil Daphne Caruana Galizia, mhux vera saret.

Ir-rapport ta’ dan il-ġurnal jisħaq li dan kien ikkonfermat magħha minn sorsi lokali u anke barranin u li huma viċin ħafna tal-investigazzjoni.

L-istess ġurnal jisħaq kif madanakollu, jirriżulta li huwa minnu li Darmanin ċempel lill-aħwa Alfred u George Degiorgio, li flimkien ma’ Vince Muscat qed ikunu akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Kien is-sit tal-gazzetta Taljana La Repubblica li l-ġimgħa li għaddiet irrapporta li Darmanin, li għamel żmien suspettat bi traffikar tal-fjuwil u li ismu kien deher fi blogg ta’ Caruana Galizia, kien ċempel lil Degiorgio u lill-Ministru Cardona, ftit wara li ċempel lil Caruana Galizia biex jiċċara xi punti minn dak li kienet kitbet.

Caruana Galizia kienet aġġornat il-blogg tagħha, bil-kummenti ta’ Darmanin.

Skont La Repubblica, li hija waħda mill-gazzetti sħab fil-Proġett Daphne, kisbet din l-informazzjoni minn sorsi viċin l-inkjesta maġisterjali dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.

Madanakollu, The Malta Independent qed tisħaq li sorsi oħra qalulha bil-kontra anke jekk mhux qed ikun eskluż li Darmanin ċempel lil Cardona xi jiem qabel jew wara li ċempel lil Degiorgio. Mhux eskluż lanqas li uża numru ieħor.

L-istess sorsi qalu wkoll mal-gazzetta lokali li kienet Daphne Caruana Galizia li ċemplet lil Darmanin u li mhux Darmanin ċempel lilha, kif kienet kitbet.

La Repubblica kienet qalet ukoll li l-Ministru Chris Cardona kien mistieden għal Bachelor’s Party, nhar id-29 ta’ Ġunju 2017 u li għalih kien mistieden ukoll George Degiorgio. L-istess gazzetta Taljana, aktar kmieni din is-sena, kienet irrappurtat li l-Ministru Cardona deher jixrob ma' Degiorgio f'bar fis-Siġġiewi xahar wara li nqatlet Caruana Galizia.

More in Politika