Eks impjegat ta' Casa jallega li l-MEP jixtri l-kokaina biex jaqsamha ma' sħabu; Casa jiċħad

Eks impjegat qal taħt ġurament li Casa għandu problema kbira bid-droga iżda Casa u l-impjegati tiegħu jiċħdu l-allegazzjonijiet

Eks impjegat tal-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew xehed f’affidavit u allura taħt ġurament, li David Casa jbati mill-vizzju tad-droga u kif regolarment, partikolarment fi tmiem il-ġimgħa, kien jixtri l-kokaina u jaqsamha ma’ sħabu.

Immedjata kienet it-tweġiba, mhux biss ta’ Casa, iżda anke tal-impjegati tiegħu, li ċaħdu kategorikament dwar l-allegazzjonijet.

Kienet il-gazzetta oħt MaltaToday li żvelat id-dikjarazzjoni li għamel l-eks impjegat ta’ Casa li qiegħed jiddeskrivi lilu nnifsu bħala Whistleblower.

Huwa saħansitra jisħaq li David Casa qed jipprova jagħti l-impressjoni li huwa xi politiku eżemplari, meta “l-fatti juru bil-kontra.”

Fl-affidavit, l-eks impjegat jisħaq li Casa kien iqatta’ tmiem il-ġimgħa fil-lukandi f’San Ġiljan u anke f’Ħ’Attard u f’dawn il-ġranet kienet tasal persuna li minn għandha, Casa kien jixtri l-kokaina u jħallasha bi flus kontanti.

Huwa jkompli jgħid li Casa kien jaqsam id-droga ma’ ħbiebi u impjegati oħra u kien jonfoq mas-€600  u s-€700 fil-ġimgħa.

“F’dawn l-iljieli kien jitkellem u jkun mimli enerġija u jien jiġi kkunsmat ħafna alkoħol u jpejpu ħafna sigaretti. Taħt kemm kien jiddependi mid-droga li ġieli saħansitra tilef attivitajiet politiċi importanti u anke attivitajiet privati oħra,” jkompli jgħid l-eks impjegat.

Casa u l-impjegati jiċħdu

Madanakollu, Casa qal mal-MaltaToday li dawn l-allegazzjonijiet huma “oxxeni” u spjega kif l-eks impjegat kellu jitlaq mix-xogħol minħabba l-vizzju tal-logħob li kellu u li kien wasslu biex jakkumula djun kbar, u spiċċa jissellef anke mingħand nies perikolużi u mingħand kollegi oħra.

Casa qal ukoll li kien “konxju li (l-eks impjegat) kien qed ikun fil-kumpanija ta’ stateġisti tal-Partit Laburista,” partikolarment il-kelliem tal-Prim Ministru Kurt Farrugia. Saħaq li kien qed jistenna xi allegazzjoni, iżda mhux allegazzjoni "oxxena" bħal din.

Intant, l-impjegati ta’ David Casa wkoll ħarġu stqarrija li fiha qabżu għall-MEP u saħqu li qatt ma esperjenzaw dak li qed ikun allegat.

Huma ddeskrivew lil Casa bħala bniedem eżemplari, professjonali u dedikat.

More in Politika